Bżonn li d-drittijiet tal-bniedem jiġu mħarsa fuq l-internet - Helena Dalli

Inċentivi sabiex iċ-ċittadini jużaw l-internet għall-aħjar mod possibbli
 

Helena Dalli, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumaturi u Libertajiet Ċivili enfasizzat l-importanza ta' rispett kontinwu lejn id-drittijiet fundamentali tal-individwu huwa u juża l-internet. Dan qalitu waqt konferenza internazzjonali organizzata mid-DiploFoundation dwar l-internet bħala riżors pubbliku globali.

Dalli qalet kif id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiġu mxekklin meta teknoloġija ġdida ma tintużax kif xieraq, jew isir abbuż minnha. F'xi każijiet ikun hemm anke diskors razzist u ta' mibgħeda fuq l-internet, kif ukoll cyber-bullying.

Bħalissa qed jiġi fformolat Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali, riżultat ta' diskussjonijiet kontinwi f'fora Ewropej dwar kif id-drittijiet tal-privatezza tal-individwi jista' jiġi mħares. Dan, spjegat Dalli, jara li jtejjeb il-kunfidenza li għandu l-pubbliku fis-servizzi fuq l-internet.

Il-ministru tkellmet ukoll dwar il-kunċett ta' eDemocracy fejn il-Gvern qed jara kif jixpruna l-ICT sabiex jħeġġeġ iċ-ċittadini jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjoni demokratiku. Permezz tal-e-participation, iċ-ċittadini jistgħu jaraw u jikkummentaw dwar emendi leġiżlattivi u abbozzi mressqa mill-Gvern.
 
 

More in Politika