Fost bosta avvenimenti oħra, waqt iż-żjara tal-President Ġermaniż Joachim Gauck iltaqa' mal-PM ta' Malta Joseph Muscat fil-Berġa ta' Kastilja fil-Belt Valletta.
Fl-ambitu ta' dak kollu li qed jiġri fuq l-immigrazzjoni, Gauck fakkar kif Malta minħabba l-pożizzjoni tagħha bejn l-Ewropa u l-Afrika ħadet il-laqam ta' "post ta' refuġju" fl-antikità. "Malta llum reġgħet hija preċiżament dak – post ta’ refuġju għal ħafna persuni li qed jaħarbu minn madwar il-Mediterran lejn il-Gżejjer Maltin biex jaħarbu mis-sofferenza u l-persukuzzjoni. Għal din ir-raġuni, kwistjonijiet dwar il-politika tal-migrazzjoni u l-ażil huma estremament importanti għal Malta." sostna, hekk kif saħaq li l-Ġermanja "konxja li permezz ta’ dak li qed tagħmel Malta, hija qed taffaċċja sfidi kbar ħafna. Din hija r-raġuni għala jeħtieġ li niddiskutu modi li permezz tagħhom il-piżijiet jiġu distribwiti b’mod ġust."
Aktar kmieni dalgħodu, il-President Ġermaniż mas-sieħba tiegħu ħadu sehem f'avvenimenti varji li fihom iltaqgħu ma' refuġjati f'Malta u mal-NGOs li qed jaħdmu mal-immigranti u ma' dawk li qed ifittxu l-ażil.
Muscat sostna li qed tinbidel il-mentalità fost il-pajjiżi tal-UE, kemm fil-Ġermanja kif ukoll f'pajjiżi oħra. Qal li iżda, il-ostaklu prinċipali hija l-mod ta' kif wieħed iħares lejn l-immigrazzjoni fejn irringrazzja l-interventi ta' Gauck li permezz taghħom inħolqot l-atmosfera ġusta.
Il-PM kompla jitkellem fuq il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet fuq medda twila, u mhux biss dawk fuq medda qasira.
"F’din l-era ta’ globalizzazzjoni b’mod partikolari, id-diversità hija vantaġġ. Dawk li jesperjenzaw diversità etnika u kulturali f’pajjiżhom stess se jsibuha iktar faċli biex jinteraġġixxu u jagħmlu n-negozju ma’ persuni li ġejjin mill-erba’ rjiħat tad-dinja. Din hija raġuni oħra għala jiena fiduċjuż li Malta se tikseb opportunitajiet tremendi mill-pożizzjoni u t-tradizzjonijiet tagħha. U nittama ħafna li l-pajjiżi tagħna jkomplu l-kooperazzjoni u l-fiduċja mill-qrib fil-futur." temm jgħid il-President tal-Ġermanja.