Ta’ kull sena f’Malta, ikun hawn bejn 40 u 55 każ ġdid ta’ melanoma u ta’ kull sena jkunu rreġistrati madwar għaxar imwiet kawża ta’ din il-kundizzjoni. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet imnedija l-kampanja ta’ din is-sena biex ikun hawn aktar għarfien dwar dan it-tip ta’ kanċer perikoluż.
Fearne qal li jekk wieħed janalizza l-istatistika tal-aħħar 50 sena, jara li l-inċidenza ta’ melanoma qiegħda tiżdied. “Huwa għalhekk li rridu nibqgħu nwasslu l-messaġġ tagħna, biex il-poplu jkun dejjem aktar konxju mill-perikli li tista’ tikkawża x-xemx. Il-melanoma għadha qed twassal għall-mewt,” qal Fearne, filwaqt li saħaq dwar l-importanza li l-melanoma tinqabad kmieni.
Fil-fatt, il-melanoma hija waħda minn dawk il-kanċer li r-rata ta’ fejqan, jekk tinqabad kmieni, hija għolja ħafna. “Mhux żgħir in-numru ta’ dawk in-nies li jiddejqu jmorru għand it-tabib tal-familja, anke għalhekk irridu ninvestu fl-innovazzjoni teknoloġika bħat-tele-medicine, fejn pazjent ikun jista’ jieħu parir mingħand it-tabib mingħajr ma jkun hemm tabib quddiemu” qal Fearne.
Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll l-importanza li noqogħdu attenti mix-xemx, fosthom li nevitaw li nkunu fix-xemx bejn l-10 ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar u li nużaw is-sun screens. “Huwa importanti wkoll li nilbsu nuċċali tax-xemx li jkun jipproteġina mir-raġġi tax-xemx. Ix-xemx fl-għajnejn tikkawża l-kataretti” qal is-Segretarju Parlamentari.
Fearne qal li din is-sena fil-kampanja għall-kuxjenza mill-melanoma, minbarra l-billboards u l-kampanja fuq il-media, se jkun hemm ukoll lectures matul is-sajf mat-tobba tal-familja f’dan ir-rigward.