Għandna naraw li mill-ġid li noħolqu jgawdi kulħadd – Simon Busuttil

L-impenn tal-PN hu favur pagi tajbin għall-ħaddiema f’ekonomija ta’ kwalità u soċjetà ġusta

F’messaġġ fl-okkażjoni tal-ewwel ta’ Mejju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li Jum il-Ħaddiem u Jum is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea jmorru sew flimkien għax fl-aħħar ħdax-il sena il-ħaddiema Maltin u Għawdxin infetħulhom bibien kbar għal opportunitajiet ġdda.

Busuttil tkellem dwar setturi ġodda. “Fi ftit żmien dawn saru pilastri tal-ekonomija tagħna: il-gaming, is-servizzi finanzjarji, u l-avjazzjoni - li llum iħaddmu l-eluf. Kemm hu sabiħ li jinħolqu setturi ġodda, għax jinħolqu impiegi ġodda u għax joħolqu aktar ġid. Imma għandna naraw li mill-ġid li noħolqu igawdi kulħadd. Speċjalment b’pagi aħjar u kundizzjonjiet aħjar.” 

Il-Kap Nazzjonalista qal li għad hawn wisq ħaddiema li jitħallsu pagi baxxi jew li jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena, prekarji. “Dawn għandhom igawdu mill-ġid ukoll u mhux jibqgħu l-art. Sa sentejn ilu l-paga medja kienet tiżdied ħames mitt euro fis-sena. Iżda fl-aħħar sentejn il-paga medja żdiedet anqas minn mitejn euro fis-sena. Għalhekk in-nies qed iħossu għafsa fuq il-paga.” 

Busuttil temm jgħid li fl-aħħar baġit ingħatat l-anqas żieda f’dawn l-aħħar tletin sena - 58 cents biss. “Dan mhux tqassim ġust tal-ġid. Min qiegħed fuq pagi baxxi għandu jingħata sehem aħjar mill-ġid li qed noħolqu. U mhux tinħoloq differenza bejn min qiegħed igawdi u min baqa’ hemm taħt. Dan hu l-impenn tiegħi. Pagi tajbin għall-ħaddiema tagħna f’ekonomija ta’ kwalità u soċjetà ġusta. Iva, ejja nkomplu noħolqu l-ġid. Imma ejja naraw ukoll li l-ġid li noħolqu jitqassam bejn kulħadd b’mod ġust.”

 

More in Politika