Pika politika fil-Fontana twassal għal periklu għat-tfal

Pika bejn kunsilliera miż-żewġ partiti qed itellfu milli tfal tal-Fontana jkollhom pitch tal-Football fejn jilagħbu mingħajr periklu. Din hija pika li tista’ twassal għal periklu għat-tfal tal-lokal.

Tfal jilgħabu fuq iz-zuntir tal-knisja
Tfal jilgħabu fuq iz-zuntir tal-knisja

Dan l-aħħar l-ILLUM ġietu ittra f’idejh mibgħutha minn Horace Micallef - kunsillier bl-akbar numru ta’ voti mal-Partit Laburista, li hu fil-minoranza tal-kunsill lokali tal-Fontana.

Dan fil-fatt qassam kopja tal-minuti meta l-Kunsill iddiskuta mozzjoni mressqa minnu biex isir grawnd tal-futbol fil-Fontana -  li m’għaddietx meta sar vot fuqha hekk kif il-viċi sindku m’attendiex u kien skużat, u għalhekk is-sindku Saviour Borg kellu juża l-vot deċiżiv biex il-mozzjoni ma tgħaddix - jiġifieri uża żewġ voti, tiegħu bħala kunsillier u tiegħu bħala sindku.

Horace Micallef qassam il-kopja tal-minuti, ittra miktuba minnu indirizzata lir-residenti u kopja tal-mozzjoni li ressaq. Dawn qassamhom bieb bieb lir-residenti kollha tal-Fontana li hi aktar magħrufa mal-Għawdxin bħala Triq tal-Għajn.

L-ILLUM iddeċieda li jmur filgħaxija qabel id-duttrina u wara d-duttrina fejn fuq iz-zuntier wieħed seta’ jara diversi tfal jilagħbu l-ballun u biswitu wieħed jista’ jara, inkluż fir-ritratti li ġbidna, triq prinċipali li hi traffikuża ħafna għal dawk li jkunu sejrin jew ġejjin mix-Xlendi.

Il-periklu hu li jekk l-ballun jmur fit-triq u xi wieħed mit-tfal jmur jiġri għalih jista’ jissogra li tkun għaddejja xi karozza. Fil-fatt skont Horace Micallef kienu r-residenti li talbuh jagħmel din il-mozzjoni biex jsir grawnd artifiċjali fuq in-naħa ta’ wara tal-bandli tal-lokalità fejn it-tfal tal-lokal ikunu jistgħu jilagħbu l-ballun f’ambjent aktar sigur. 

Tkellimna ma’ Horace Micallef u tlabnieh x’inhi r-raġuni għaliex is-sindku ma jridx dan il-grawnd. Is-sur Micallef qalilna li hemm fondi kemm trid għax kien fadal €120,000 u issa żdiedu bil-€135,000 ta’ din is-sena. Il-grawnd m’għandux jiswa aktar minn €10,000 -“fondi għandna u mhix problema.”

Skont il-minuti li għandna f’idejna s-sindku qal li hu impossibbli li jsir dan il-grawnd peress li biex dan isir irid ukoll jitkisser il-parti tal-ġnien li baqa’. Qal ukoll li l-Kunsill ma jistax ikisser ix-xogħol ta’ gym u tapiti apposta għas-sigurtà,  kif ukoll jinqalgħu parti mit-tagħmir tal-ġnien tar-rikreazzjoni li saru madwar sena ilu. Barra hekk il-kunsill għandu mwaħħlin il-pannelli fotovoltajiċi. Fl-istess ħin ma jaħsibx li jkun hemm post għat-tapiti u t-tagħmir jekk jinqalgħu għax ma jingħatax l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għall-Istandards. Is-sindku kompla jgħid li jekk isir il-grawnd tal-futbol għall-five-a-side jibża’ li l-pannelli fotovoltajiċi eżistenti jintlaqtu minn xi ballun.

Mistoqsi dwar dawn ir-raġunijiet li ġab is-sindku, Horace Micallef qal li s- soluzzjoni tkun li jsir reċint, kif ukoll xibka fis-saqaf tal-grawnd biex l-ebda ballun ma jaqbeż ’il barra. Micallef qal ukoll li meta l-kunsill preċedenti kien bena garaxxijiet taċ-ċentru ċiviku kienet inqalgħet biċċa mill-ġnien għar-rikreazzjoni u sar sew.

Micallef kompla jgħid li hu qed jipproponi li jinqala’ l-madum u minflok isir turf. Qal ukoll li l-apparat tal-gym jista’ jinqala faċilment u jitressaq għal ġenb ieħor u anke t-twapet jistgħu jitressqu għax spazju hemm.

Mitlub jgħid x’jaħseb li hi r-raġuni wara dan kollu Horace Micallef qal, “Jien għandi informazzjoni minn leakage min-naħa tal-PN li l-kunsilliera Nazzjonalisti għandhom direttiva mill-partit biex jivvutaw kontra għax din hi inizjattiva li ħarġet min-naħa tal-kunsilliera Laburisti.”

Mistoqsi jekk fil-Fontana qatt daħlitx il-politika partiġġjana, Micallef sostna li  “qatt ma daħħalt politika fil-Kunsill. Aħna l-kunsilliera għandna naħdmu favur l-aħjar interess taċ-ċittadin. Din tagħhom hi direzzjoni żbaljata ħafna u stennejt li s-Sindku jivvota favur tal-mozzjoni għax it-tfal m’għandhomx kuluri u hemm jilagħbu t-tfal ta’ kulħadd.

“Dan il-vot tas-sindku hu vot kontra t-tfal u ż-żgħażagħ tat-triq tal-Għajn jew kif jafuha l-Maltin, tal-Fontana.” 

Fil-minuti s-sindku saħaq li titniżżel is-sentenza li Horace Micallef qed jipproponi li jitkisser il-ġnien tar-rikreazzjoni biex floku jsir grawnd.

More in Politika