“L-aġenda tal-istazzjon nazzjonali hija mibnija fuq dik tal-Partit Laburista, tant li l-PBS mhux qed iħares l-interess li ma jkunx partiġġjan iżda għal numru ta’ drabi, qed jagħżel li jiċċensura lill-Partit Nazzjonalista.” Dan qalu l-Kelliem tad-Drittijiet taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, d-Djalogu Soċjali, d-Drittijiet tal-Konsumatur, d-Drittijiet tal-Internet, il-Komunikazzjoni, u l-Politika Awdjoviżiva Clyde Puli f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar li l-Partit Nazzjonalista kien qed jippreżenta żewġ ilmenti f’ġurnata waħda.
L-ewwel ilment hu dwar il-bulettin tal-aħbarijiet tal-bieraħ li għal xi raġuni ma rrappurtax il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li matulha l-Partit Nazzjonalista nsista li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jgħid jekk hux qed jinvestiga lil Anton Refalo jew le. “Għal raġuni li jafuha biss l-edituri tal-PBS, din l-aħbar ma tqesitx bħala importanti, u l-konferenza tal-aħbarijiet ma ġietx irrappurtata. Min ħa d-deċiżjoni li l-konferenza tal-aħbarijiet ma tiġix irrappurtata – il-ġurnalist, l-editur tal-PBS Reno Bugeja jew xi ħadd ieħor?” staqsa Clyde Puli.
It-tieni lment hu dwar il-programm Dissett li l-bieraħ kellu mistiedna l-Ministru Edward Zammit Lewis, l-eks Deputat Laburista Lino Debono u rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista x-Shadow Minister Jason Azzopardi. “Dan mhux bilanċ, b’mod speċjali meta wieħed mill-mistiedna tfaċċa fl-istudio mingħajr ma l-Partit Nazzjonalista kien infurmat bih,” qal Clyde Puli.
Minn naħa tiegħu, d-Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Matthew Bonett qal li din mhix l-ewwel darba li l-PBS jimblokka lill-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk, Matthew Bonett staqsa min qed jeħodhom id-deċiżjonijiet fil-PBS, jekk hux l-editur jew jekk hemmx xi ħadd ieħor li jieħu d-deċiżjonijiet hu.