L-anzjani qed ikunu jistgħu jitgħallmu u jgawdu ħin ta’ kwalità

Il-President iżżur iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-Ħamrun

Il-President iżżur iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-Ħamrun
Il-President iżżur iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-Ħamrun

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana laqgħet lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-Ħamrun fl-okkażjoni tal-end of term ta’ Proġett tal-Active Ageing, iffinanzjat mill-Premju tal-President għall-Kreattività u organizzat mit-Theatre Anon Arts Foundation. 

Caruana qalet li s-Segretarjat tagħha għandu r-responsabbiltà li jwettaq l-istrateġija tal-anzjanità attiva u għalhekk għaddejja ħidma kontinwa li ttejjeb u ssaħħaħ is-servizzi tal-anzjani fuq bażi nazzjonali. Qalet kif f’Ottubru li għadda beda proċess biex iċ-ċentri tagħna jkunu trasformati f’Lifelong learning Hubs u ġie imfassal programm u prospett t’attivitajiet li permezz tagħhom l-anzjani jkunu jistgħu jitgħallmu u jgawdu ħin ta’ kwalità.

Il-prospett jinkludi diversi affarijiet fosthom żfin, tagħlim fuq l-Istorja ta’ Malta u aerobics biex nolqtu mhux biss interessi varji imma wkoll bżonnijiet.

Is-Segretarju Parlamentari saħqet fuq l-importanza li nibqgħu attivi speċjalment mentalment, minħabba l-fatt li jgħin ukoll biex jippreveni l-kundizzjoni tad-dimensja. Hija semmiet li din il-ġimgħa s-Segretarjat tagħha nieda l-kampanja #endzheimer bil-għan li jiżdied it-tagħlim u t-tagħrif dwar id-dimensja fil-pajjiż permezz ta’ diversi mezzi fosthom il-media.

Fi tmiem l-attività Caruana ppreżentat prospett ta’ taħriġ li għaddej fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani lill-President Marie Louise Coleiro Preca.

More in Politika