Opportunità ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ

Tgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom għall-futur fid-dinja tax-xogħol

Il-gvern se jkun qed joffri wkoll stipendju – Helena Dalli
Il-gvern se jkun qed joffri wkoll stipendju – Helena Dalli

Il-gvern nieda l-iskema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ. L-iskema mnedija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, toffri opportunità ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ, fl-istess ħin li tgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom għall-futur fid-dinja tax-xogħol. 

Barra minn hekk, iż-żgħażagħ li se jipparteċipaw se jkollhom iċ-ċans li jiskopru l-valur li joffri l-volontarjat u organizzazzjonijiet volontarji se jkollhom l-opportunità biex iressqu voluntiera ġodda b’ideat friski u innovattivi.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili qalet li permezz ta’ din l-iskema, il-gvern qed iwettaq wegħda elettorali oħra li jressaq liż-żgħażagħ aktar viċin il-volontarjat.

Semmiet kif fil-baġit għal din is-sena ġew allokati €200,000 biex din l-iskema tkun tista’ tibda titħaddem, b’madwar 20 organizzazzjoni li diġà tefgħu l-applikazzjoni tagħhom biex jipprovdu t-taħriġ neċessarju liż-żgħażagħ.

Dalli qalet li l-gvern se jkun qed joffri wkoll stipendju li permezz tiegħu se jkun qed isostni b’mod finanzjarju lil dawn l-istudenti li jagħżlu li jagħmlu t-taħriġ tagħhom f’xogħol volontarju.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Nathan Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Kunsill tal-Volontarjat huwa involut f’dan il-proġett u qal li skema bħal din għandha l-potenzjal li toħroġ voluntieri ġodda.

Fi preżentazzjoni qasira li għamel, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Mauro Pace Parascandolo spjega kif l-iskema hija miftuħa għal dawk l-NGOs li huma affiljati fi ħdan il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Dawn se jkunu responsabbli għat-taħriġ, monitoraġġ u appoġġ individwali liż-żgħażagħ fil-ħidma tagħhom.

 

More in Politika