“Jekk l-Ewropa ma toffrix soluzzjonijiet umanitarji immedjati, allura għandha tkun is-Santa Sede li tagħmel dan permezz ta’ ħruġ ta’ visas li jinħarġu min-Nunzjaturi Appostoliċi, li huma ekwivalenti ta’ ambaxxati tal-Vatikan fl-Afrika u f’Lvant Nofsani fost l-oħrajn.” Din hi l-proposta tressqet lill-Papa Franġisku minn erba’ qassisin fid-dawl biex tinstab soluzzjoni urġenti għall-immigrazzjoni rregolari u t-traffikar ta’ nies bil-baħar li qed iwassal għal numru ta’ mwiet.
Dun Alex Zanotelli, misjunarju b’esperjenza kbira fl-Afrika, Dun Luigi Ciotti, il-fundatur tal-Assoċjazzjoni Libera, Dun Gino Rigoldi, il-Kappillan ta’ Beccaria, u Dun Virginio Colmegna, il-President ta’ Casa Della Carità, ressqu din il-proposta biex dawk li qed ifittxu l-ażil ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jafdaw id-destin tagħhom f’idejn it-traffikanti u b’hekk ikunu jistgħu jaslu f’post aktar sigur u bi prezz ħafna aktar baxx minn post fuq xi trakk jew xi dgħajsa.
Qed jipproponu li l-ħruġ ta’ dawn il-visas minn Nunzjaturi, biex b’hekk l-immigranti, anke permezz ta’ titjira b’ajruplan ikunu jistgħu jitilqu minn pajjiżhom anke bi spiża ta’ €500, kuntrarjament għas-somom kbar li preżentement qed iħallsu l-immigranti u li wħud spiċċaw ħallsu mas-€7,000 biex jitilgħu fuq dgħajsa li ma wasslithom imkien ħlief għall-mewt f’nofs ta’ baħar.
Aqra aktar fil-ħarġa tal-ġurnal ILLUM