“Irridu nżommu quddiem għajnejna li minkejja dak li naraw jew nisimgħu fuq il-media, u hi kemm hi ħażina s-sitwazzjoni politika fil-Libja, hemm diversi ċittadini li jobdu l-liġi u diversi negozji privati li qed jistennew li jkollhom mill-ġdid id-demokrazija u l-istabbiltà ekonomika. Minħabba li l-Libja hija wieħed mill-pajjiżi li fihom jopera l-BERŻ, il-Bank m’għandux jiddeludi lill-poplu u entitajiet Libjani. Huwa importanti li jkun hemm kuntatt magħhom u li nuruhom li s-sitwazzjoni tagħhom qed tiġi mmoniterjata mill-qrib b’xi forma ta’ preżenza, anki jekk ibbażata temporanjament fi stat ġar. Ċertament, għandhom bżonn il-konsolazzjoni u l-appoġġ tagħna.”
Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna saħaq fuq l-importanza li l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (il-BERŻ) ikun f’kuntatt mas-settur privat fil-Libja, minkejja l-qagħda diffiċli li l-pajjiż jinsab fiha bħalissa. Huwa kien qed jindirizza l-24 laqgħa annwali tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ fil-kapitali tal-Ġeorġja, Tbilis, il-bieraħ il-Ħamis 14 ta' Mejju.
Uffiċjali governattivi għoljin minn aktar minn 60 pajjiż, kapijiet ta’ istituzzjonijiet internazzjonali, nies li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell globali, diriġenti ta’ kumpaniji u staff tal-BERŻ qed jieħdu sehem fil-laqgħa mifruxa fuq jumejn sabiex jikkunsidraw strateġija għas-snin li ġejjin għar-reġjuni li fihom jaħdem il-Bank.
Il-BERŻ huwa instituzzjoni finanzjarja internazzjonali li toffri appoġġ għal proġetti f’aktar minn 30 pajjiż, mil-Lvant tal-Ewropa għall-Asja ċentrali, u n-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran. Il-Bank, li jinvesti primarjament fi klijenti mis-settur privat li l-ħtiġijiet tagħhom ma jistgħux jiġu ssodisfati għall-kollox mis-suq, jippromwovi l-intraprenditorija u jinkoraġġixxi tranżizzjoni lejn ekonomji tas-swieq miftuħin u demokratiċi.
Malta ilha azzjonista tal-BERŻ minn mindu ġie stabbilit fl-1991 biex joffri sostenn lit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija tas-suq u d-demokrazija wara l-kollass tas-sistema komunista fl-Ewropa tal-Lvant.
Il-Ministru Scicluna llum l-Ġimgħa se jkollu taħditiet bilaterali mal-President tal-BERŻ, Suma Chakrabarti.