Aġġornat: Ftit tal-ħin ilu ntlaħaq ftehim li permezz tiegħu ix-xufiera li kienu dovuti flus bħala parti mis-salarji se jirċievu dawn il-ħlasijiet sa għada fis-7pm.
Dan il-ftehim intlaħaq wara laqgħa li saret bejn il-GWU, uffiċjali tal-kumpanijja u l-Ministru Joe Mizzii u wara li lbieraħ ix-xufiera ħarġu fuq stajk ta’ sitt siegħat li wassal biex jitwaqqfu nofs is-servizzi tal-linja.
Aktar kmieni:
Il-General Workers Union qed tappella serjament lill-kumpanija Autobuses de Leon biex tkun ippreparata li jintlaħaq ftehim ċar fit-tilwima li hemm bħalissa fit-trasport pubbliku. Il-GWU qed tagħmel din id-dikjarazzjoni fid-dawl ta' laqgħa li għandha ssir bejnha, il-kumpanija u l-Ministru ghat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi llum f'nofsinhar.
Filwaqt li tiddikjara li hija se tattendi din il-laqgħa, il-GWU twissi li l-pozizzjoni tagħha se tibqa l-istess u mhux se tirtira mit-tilwima industrijali qabel ma l-ħaddiema jingħataw il-ħlasijiet kollha dovuti lilhom.
Għaldaqstant, il-GWU qed tappella lill-Kumpanija Autobuses de Leon biex fil-laqgħa tal-lum jitlaħaq ftehim ċar għaliex jekk le l-kumpanija jkollha tiffaċċja aktar azzjonijiet industrijali inkluż strajk.