La tħallux lil min ibellgħalkom ir-ross bil-labra – Marlene Farrugia

Titkellem fuq il-proġett taż-Żonqor fuq Facebook

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia kitbet dak li tħoss dwar il-proposta ta’ Università ġdida fiż-Żonqor meta dalgħodu fuq Facebook ippublikat appell dirett lil dawk li huma segwaċi tagħħa.

Il-kitba tagħħa qed tkun ippublikata hawn taħt.

Għeżież, 

Lill-dawk li qed ibgħatu biex jifhmu li dan huwa suġġett nazzjonali , ' l fuq mill-partiġjaniżmu, ngħidilkom nifhimkom għax intom vittma ta' magna ta' propaganda qawwija ħafna li qed tiswa' lill-partit tal-ħaddiema ħafna flus u tesponieh għal ħafna obbligazzjonijiet li mbaghad iġiegħluh jagħmel li ma jridx: jaħdem b'għamad favur min hu sod finanzjarjament, u kontra l- familja li titħabat biex tlaħħaq bil-paga.

Infakkar li jista' jeżisti bilanċ bejn li nrejxu għall-investiment u noħolqu x-xogħol u nħarsu d-drittijiet tal-Maltin

Jien qed nipprova nilħaqkom biss bil-midja soċjali għaliex kemm ilna fil-Gvern qatt ma’ sejħuli ONE TV għax bqajt nitkellem f' isimkom, ma ttradejtkomx.

Jien bint ħaddiem tal-id bħal bosta minnkom , u għalkemm illum ħdimt u stagħnejt ma ninsa qatt min jien u minn fejn tlaqt. Id-dar ma kenniex ġnien kbir bħal m’għandi llum, imma jew konna nitilqu għal għonq it-triq waħedna jew missieri kien jeħodna fil-kampanja niġru u nitkabru ġol-ħaxix, nieħdu xi dixx imqarrun u ħobza biż-żejt u t-tadam , termos kafe magħna , flixkun ilma tal-vit , u hekk inkunu kilna barra daqs l-aqwa sinjuri ġo l-oħla gnien. Fis-sajf erħilna lejn il-baħar, nistgħadu għaċ-ċawl , vopi u kaħli jew man-nannu jniżżel in-nassa. Konna ngħumu kullimkien b' xejn. M’hemmx deckchair jew umbrella. B'xi liżar tal-għażel irrigat u siġġu jingħalaq u mitraħ qadim konna nagħmlu festa meta niddeċiedu li nikkampjaw jumejn fejn il-baħar.

Dak li gawdejt jien fi tfuliti rridu għat-tfal tal-lum u t'għada. Diġa l-wesgħat ħielsa u naturali ta' Malta ċkienu bil-kbir jew għosfru kompletament. Ħafna bajjiet fin-naħa t'isfel intradmu taħt l-industrija, miżbliet, jew taparsi investiment. Mal-bejgħ tal-Enemalta l-Bambin biss jaf kemm meded t’ art oħra għaddew f'idejn ix-shareholders Ċiniżi u x'ser isir minn dawn l-artijiet ma nafux.

Ħafna sajjieda diġa tilfu l-irmieġġ tagħhom u f’ħafna bajjiet trid tikri siġġu u umrella bil-fors biex toqgħod fihom. Ftit baqa' art li nistgħu ngħidu li hija l-ġnien naturali ta' kulħadd u l-bajja tal-familja Maltija.

Fil-kuntest tad-dibattitu fuq iż-Żonqor, jien kull ma qed ngħid huwa illi l-investiment fl-edukazzjoni fin-naħa tagħna għandu jsir fi nħawi diġa żviluppati jew bini eżistenti. Irrid li l-art u l-kosta tibqa' titgawwda fis-sbuħija naturali tagħħa mill-Maltin kollha.

Tibilgħux il-lixka li ser jagħtukom biċċa park, għax il-park huwa kollu kemm hu tagħkom kif inhu. Tibilgħux is-sunnara għax jgħidulkom li żdingat, il-Gvern u min għandu l-art obbligat li jindokra l-art , mhux l-inqas bit-taxxi tagħkom. U dan l-aħħar beda jintefa' aktar terrapien biex jidher ikraħ u mgerrfex. Biex taraw il-qerq!

La tħallux lil min ibellgħalkom ir-ross bil-labra. Investiment fin-naħa t'isfel ta' Malta rriduh għax jixirqilna bil-kbir meta tqis li aħna c-Cindirella tal-kumplament tal-pajjiz. Imma rridu nvestiment li jsebbħilna dak li għandna, ifejjaq u jaħbilna l-ġrieħi ambjentali li għadna nsofru u fuq kollox IĦARSILNA l-ĠMIEL NATURALI li baqgħalna.

More in Politika