Ir-rwol tal-MEPA hu li tħares u tipproteġi l-ambjent – Simon Busuttil

B’dan l-atteġġjament il-MEPA skwalifikat lilha nnifisha milli tkun awtorità indipendenti

Simon Busuttil jitkellem waqt laqgħa ma’ numru ta’ Għaqdiet Ambjentali
Simon Busuttil jitkellem waqt laqgħa ma’ numru ta’ Għaqdiet Ambjentali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ikkritika bl-aħrax l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar talli pproponiet l-iżvilupp tal-Università Amerikana f’żona barra l-iżvilupp.

Busuttil, li kien qed jitkellem waqt laqgħa ma’ numru ta’ Għaqdiet Ambjentali, qal li jinsab ferm iddizappuntat bil-MEPA. “Ir-rwol tal-MEPA hu li tħares u tipproteġi l-ambjent u mhux li tkun hi stess li tipproponi l-bini f’żoni meqjusa bħala ODZ – barra l-iżvilupp. B’dan l-atteġġjament, il-MEPA skwalifikat lilha nnifisha milli tkun awtorità indipendenti.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa jekk id-90,000 metru kwadru ta’ art hux se tkun qed tiġi regalata lill-Ġordaniżi u jekk din fil-verità hux se tkun qed tintuża għal skopijiet edukattivi meta issa jidher ċar li din mhux se tkun università amerikana. “Għalkemm aħna favur kull investiment fl-edukazzjoni, din l-università għandha tinbena post ieħor fejn ma ssir ebda ħsara lill-ambjent.”

Saħaq li jekk il-proġett jingħata l-permessi biex jinbena fiż-Żonqor, allura jkun ifisser li l-ideja ta’ zoni barra l-iżvilupp ikunu spiccaw fix-xejn. Hu temm l-indirizz tiegħu billi ħeġġeġ aktar nies juru l-oppożizzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp fiż-żona proposta.

More in Politika