Forza navali mill-UE bħala parti mill-ġlieda kontra l-immigrazzjoni

Il-gvern ta' Tobruk jsejjaħ din l-operazzjoni waħda "mhux umana"

L-Ministri għall-Affarijiet Barranin qablu li tidħol fis-seħħ forza navali, bħala parti mill-ġlieda kontra t-traffikanti tal-immigranti li qed jaħdmu mil-Libja.

Id-dħul fis-seħħ mistenni jseħħ ix-xahar li ġej - fejn ħa tkun amministrata minn Ruma taħt it-tmexxija ta' Ammiral Taljan. Dan sostnietu l-Kap tal-Politika Barranija tal-UE Federica Mongherini.

Intant il-Gvern Libjan sejjaħ din l-operazzjoni bħala waħda "mhux umana", li probabilment mhux ħa tingħata l-permess biex topera fit-territorju Libjan. Hatem el-Ouraybi, kelliem għall-awtoritajiet f'Tobruk qal lil aġenzija tal-aħbarijiet AFP li kull azzjoni militari trid issir bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet Libjani.

L-operazzjoni militari bħala ġlieda kontra l-bastimenti li qed joperaw fl-ibħra Libjani, kif ukoll barra minn dawn l-ibħra "mhix ikkunsidrata bħala waħda umana."

Huwa żied jgħid li "l-gvern mhux ħa jaċċetta l-ebda vjolazzjoni tas-sovranità Libjana."

Dan kollu qiegħed isir hekk kif l-UE qed issibha bi tqila. aktar minn qatt qabel, biex tkampa bin-numru ta' immigranti li qed jaqsmu mill-Afrika u l-Lvant Nofsani lejn l-Ewropa, b'ħafna jitilfu ħajjithom fil-Mediterran.

L-operazzjoni navali tinqasam fi tliet fazijiet: Il-ġbir ta' informazzjoni fuq it-traffikanti tal-immigranti, li jintagħrfu dawk il-bastimenti li qed jintużaw mit-traffikanti, u finalment li wara li jiġu spezzjonati, jiġu mkissrin dawn l-istess bastimenti.

"Aktar milli t-tifrik tad-dgħajjes, iktar qed infittxu li nkissru l-mod ta' kif joperaw dawn ir-retikolati ta' traffikanti," temmet tgħid Mongherini, hekk kif bdiet tindirizza l-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ewropej.

 

 

 

 

More in Politika