Jitkompla s-smiegħ fil-każ ta’ Anthony Debono

Qed ikun akkużat li qabbad kuntratturi jagħmlu xogħolijiet għall-voti

Qed ikun akkużat li qabbad kuntratturi jagħmlu xogħolijiet għall-voti
Qed ikun akkużat li qabbad kuntratturi jagħmlu xogħolijiet għall-voti

Bħalissa fil-Qorti t’Għawdex qed ikompli s-smiegħ tal-każ ta’ Antohony Debono, r-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono li qed ikun akkużat li ordna numru ta’ xogħolijiet għall-voti u li fost oħrajn ħareġ irċevuti foloz u li l-ħlas għax-xogħolijiet sar mill-baġit tal-istess Ministeru.

Is-smiegħ beda għall ħabta tas-siegħa u nofs ta’ wara nofs in-nhar b’wieħed mix-xhieda jkun l-Ispettur Ray Stivala li qal li kien is-segretarju permanenti fil-Ministeru għal Għawdex li talab lil pulizija jinvestigaw wara rapporti li dehru fil-gazzetta Maltatoday.

Stivala ppreżenta fil-qorti lista u ritratti ta xogħolijiet li mifhum li twettqu mill-kuntrattur Joe Cauchi li kien il-whistleblower f’dan il-każ, wara li tqabbad jagħmel dawn ix-xogħolijiet minn Anthony Debono.

Kuntrattur ieħor li tkellem mal-Pulizija, Pietru Debono, qal li jekk Anthony Debono ma kien ikun preżenti waqt ix-xogħolijiet, kien jagħmel mezz biex iżur il-post biex jirranġa l-irċevuti.

L-Ispettur Stivala temm jgħid li matul is-36 siegħa ta’ arrest, Anthony Debono għażel li jibqa sieket u qal biss li l-każ hu wieħed politiku kontra l-familja tiegħu. Debono kien inħeles mill-arrest wara li ngħata pleġġ. 

Is-smiegħ qed ikompli bl-avukat difensur Joe Giglio jinterroga lill-Ispettur Abdilla fejn qed jgħaddi kuntratt b’kuntratt fejn hu allegat li saru xogħolijiet fuq ordni ta’ Anthony Debono u jistaqsi jekk dawn ix-xogħolijiet kienux irregolari. 

L-Avukat Giglio staqsa lill-Ispettur Abdilla fuq ix-xogħolijiet partikulari li saru fil-grawnd tal-futbol fl-Għarb u fuq il-pedestall li kien sar għall-istatwa tal-festa fl-istess lokalità. Staqsa wkoll jekk fil-lista tal-prosekuzzjoni hemm indikati xogħolijiet li l-sar għal Għaqdiet Non-Governattivi. Semma wkoll lista ta’ toroq, speċjalment fil-kampanja, u staqsa jekk dawn humiex fir-responsabbiltà tal-Ministeru bħala art pubblika jew inkella humiex privati. L-Ispettur Abdilla wieġeb li ma kienx ċert fuq kollox. “Jien qatt m’akkużajt lil Debono li għamel xogħolijiet fil-privat imma ppreżentajt lista t’akkużi li għamel il-Whistleblower Joe Cauchi u li jien investigajt u li ppreżentajt lill-Qorti. Qatt ma speċifikajt jekk kienu xogħolijiet pubbliċi jew privati” qal Abdilla.

L-Avukat difensur Joe Giglio temm l-indirizz tiegħu billi qal lill-Qorti li x-xogħolijiet kollha li kienu ndikati matul il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ispettur Abdilla kienu kollha xogħolijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Ministeru.

Is-seduta issa hija aġġornata.


 

More in Politika