"Hemm elenkati numru ta’ niċeċ li ġew identifikati bħala dawk li għandhom potenzjal għoli sabiex mhux biss iżidu l-volum turistiku f’Għawdex iżda jgħinuh ukoll sabiex ikompli jwessa’ l-istagun turistiku tiegħu. Dawn in-niċeċ jikkonsistu f’turiżmu Kulturali u Rurali; turiżmu Attiv u Sportiv; Konferenzi u Inċentivi; Żwiġijiet u Honeymoons; turiżmu Reliġjuż." Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis b'riferiment għall-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020.
Dan waqt mistoqsija parlamentari li saritlu lbieraħ mill-MP Fredrick Azzopardi, dwar jekk saritx analiżi tas-suq sabiex permezz t'hekk ikunu identifikati l-aktar niċeċ li fil-futur ikunu ideali għal Għawdex fil-qasam turistiku.
Zammit Lewis saħaq ukoll li permezz tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex, u l-proġett li ħabbar il-Gvern fuqu, ser tiġi żviluppata wkoll niċċa oħra għal Għawdex - tik tat-turiżmu mediku, tas-saħħa u tal-benessere.