Il-gvern ta struzzjonijiet lid-diviżjoni tal-propjetà sabiex ifittxu art ta' 25,000 metru kwadru għal kampus tal-università li kien propost f'Wied il-Għajn. Sorsi mill-gvern ikkonfermaw li ħa jkun hemm numru ta' siti li ħa jitressqu quddiem l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dan skont artiklu li nħareġ fuq il-gazzetta MaltaToday.
Dan kollu jfisser li l-gvern se jkun jista' jaqsam il-kampus ppjanat fi tnejn, biex b'hekk inaqqas l-iżvilupp kontroversjali f'Zonqor Point f'Wied il-Għajn - minn 90,000 metru kwatru għal 65,000 metru kwadru, billi jċaqlaq partijiet mill-kampus propost għal żona iżgħar li għad trid tiġi identifikata.
Waqt il-programm Reporter, immexxi minn Saviour Balzan, il-PM Joseph Muscat qal li hemm l-possibilità li l-kampus jinqasam fi tnejn, fejn qal li l-università "tista' tinqasam f'żewġ żoni, imma żgur li mhux f'għaxra."
Saħaq li jista' jitloħoq kompromess jekk kemm il-gvern u l-kritiċi tiegħu jkunu flessibbli, iżda qal li "mhux ħa nħalli dan l-investiment jaħrab minn dan il-pajjiż."
Intant, il-Kunsill Lokali b'maġġoranza Laburista f'Wied il-Għajn approva l-mozzjoni favur l-iżvilupp tal-proposta tal-kampus fl-istess lokalità. Kienet biss Desiree Attard, il-Viċi Sindku, li vvutat kontra, fost l-kunsilliera Laburisti l-oħra.
Nhar it-Tnejn li għadda, qabel Muscat wera l-possibilità li l-kampus jinfired fi tnejn, il-kelliem għal Sadeen Group, Kevin Deguara insista li "l-aktar kundizzjoni importanti għal Sadeen hija li l-bini u l-faċilitajiet ikunu fuq kampus wieħed". Sadeen Group huma l-iżviluppaturi tal-Università Amerikana.
Dan il-kuntrast fid-dikjarazzjonijiet jaf ifisser li l-Gvern qed jipprova jmur kontra l-impressjoni li qiegħed jipprova jakkomoda l-iżviluppaturi u biex jagħti l-impressjoni li l-Gvern jista' jkun flessibbli mingħajr ma jabbanduna il-pjanijiet biex jiżviluppa ż-Żonqor.
Il-gazzetta MaltaToday, f'rapport dwar dan il-każ, qalet li tinstab infurmata li jaf huwa aktar faċli għall-gvern li jsib art ta' 25,000 metru kwadru f'żoni mhux daqshekk sensittivi bħalma hu ż-Żonqor, minkejja li mhux ċar jekk art ODZ hux qed tiġi eskluża jew le.