Fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, naqas l-ammont ta' frott u ħaxix frisk b'14.1%, filwaqt li l-valur bl-ingrossa żdied b'37.8% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. Dan skont statistika li ħarġet mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Fl-ewwel kwart tas-sena il-volum tal-froxx u l-ħaxix mibjugħ fi swieq uffiċjali kien dak ta' 8.9kilogrammi, bi qligħ ta €6.4 miljun. Dan ifisser tnaqqis ta' 14.1% fil-volum, u żieda ta' 37.8% fil-valur tal-ingrossa fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Il-fornitura ta' ħaxix naqset b'14.5% għal 8.4 miljun kilogramma fuq l-istess perjodu tas-sena l-ohra. Tnaqqis ta' 72.6%, 60.5% u 39.6% ġew irreġistrati għall-fornitura ta' basal aħdar, ħjar u l-qargħa rispettivament. Min-naħa l-oħra kien hemm żieda fil-valur bl-ingrossa tal-ħaxix frisk b'45.8% għal €5.6 miljun.
Il-fornitura ta' frott frisk naqset b'6.1%, l-aktar dovuta għat-tnaqqis ta' 27% fil-frawli. Iżda, il-valur tal-ingrossa tal-frott frisk żdied b'1.2% għal €0.8 miljun.
Il-volum ta' frott u ħaxix fornut mill-bdiewa Maltin naqas b'14.8% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, fil-waqt li dak minn bdiewa Għawdxin naqas b'6%.