Il-Corinthia Group ħabbru li se jinvestu €400 miljun fi proġett turistiku li se jwassal biex jinħolqu minn 400 sa elf impjieg ġdid. Il-Proġett se jinkludi lukanda ta’ kwalita ogħla minn lukanda ta’ ħames stilel. Dan tħabbar waqt żjara li kellu dalgħodu fil-Lukanda Corinthia San Ġorġ, il-Prim Ministru Joseph Muscat fejn ingħata preżentazzjoni fuq il-pjani preliminari tal-International Hotel Invetments, għar-riġenerazzjoni tal-proprjetajiet li għandu dan il-Grupp fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Ġorġ.
Waqt din il-preżentazzjoni, il-Prim Ministru qal li dan se jkun wieħed mill-ikbar proġetti li qatt sar f’pajjiżna, mhux biss fil-qasam tat-turiżmu iżda anke inġenerali. Qal li dan l-investiment ta’ 400 miljun ewro, se jsir minn din il-kumpanija Maltija b’viżjoni mhux biss Ewropea iżda saħansitra Internazzjonali. Sostna wkoll li dan l-investiment se jkun qed iżid l-impjiegi konsiderevolment u se joħloq effetti pożittivi ferm fl-ekonomija tal-pajjiż. Dan l-investiment mistenni joħloq minn 400 sa elf impjieg ġdid u barra minn hekk, se jħalli effetti pożittivi oħra li ma jistgħux jiġu kwantifikati. Din ir-riġenerazzjoni mhux se tkun qed tinvolvi biss il-lukandi iżda wkoll iż-żona tal-madwar u l-lokal.
Muscat wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li issa, il-flagship hotel tal-Corinthia se tkun hawn Malta, wara li fis-snin imgħoddija din kienet fi bliet oħra bħal Budapest u Londra u tenna li b’dan il-proġett se nkunu qed inpoġġu l-pedamenti tagħna mhux biss għat-turiżmu iżda anke għall-qabża fil-kwalità li se jkun qed jagħmel pajjiżna fis-snin li ġejjin.