Ħidma biex jissaħħu d-drittijiet mogħtija lil persuni b’diżabilità
Programmi ta’ taħrig dwar attiviżmu mill-persuni b’diżabilità
More in Politika
Programmi ta’ taħrig dwar attiviżmu mill-persuni b’diżabilità
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana għalqet il-programm ta’ taħriġ organizzat mill-KNPD permezz ta’ Fondi Ewropej. Dan il-kors kien jinkludi żewg programmi ta’ taħrig dwar attiviżmu mill-persuni b’diżabilità
Caruana saħqet fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità f’kull qasam u għalhekk il-ħtieġa ta’ rwol aktar attiv minn persuni b’diżabilitajiet differenti. Qalet li l-Gvern jemmen fl-abbilitajiet ta’ persuni b’diżabilità tant li l-politika nazzjonali għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, addottata minn dan il-Gvern, ġiet imfassla minn persuni b’diżabilità nfushom. Dan l-eżerċizzju sar ukoll fl-istandards għar-residenzi ta’ persuni b’diżabilità u l-Gvern se jkun qed jimxi bl-istess mod fiż-żmien li ġej fl-istandards għas-servizzi għal matul il-jum u s-servizzi ta’ respite.
Il-Gvern għaddej b’ħidma kontinwa biex isaħħaħ id-drittijiet mogħtija lil persuni b’diżabilità u jrid li jkunu fuq quddiem nett biex jieħdu d-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom b’mod dirett. Kien għalhekk li dan il-Gvern għadda liġi biex persuni b’diżabilità jiġu inklużi f’bordijiet differenti tal-entitajiet tal-Gvern u dalwaqt ser jibda l-proċess biex jiġu identifikati entitajiet oħrajn.
Semmiet kif il-liġi li permezz tagħha se tiġi rikonoxxuta l-lingwa tas-sinjali Maltija issa qiegħda il-parlament fi stadju ta’ kumitat u għaddejjin taħdidiet mal-Malta Deaf Association wara li rriżulta li kien hemm xi diffikultajiet żgħar dwar il-kompożizzjoni tal-kunsill. Fuq kollox semmiet kif għall-ewwel darba fl-istorja, ser ikun hemm liġi li tagħti rikonoxximent lill-komunità Deaf li bil-liġi jridu jiġu kkonsultati fuq kwistjonijiet relatati magħhom.
Is-Segretarju Parlamentari tenniet tgħid li l-Gvern implimenta il-liġi tal-guardianship, ħatar bord u registrar sabiex appuntu dan il-bord ikun jista’ jopera. Fir-rigward ta’ din il-liġi hija tkellmet dwar l-emendi li qegħdin jiġu ppreżentati fil-Parlament bħalissa li se jkunu qegħdin issaħħu din il-liġi. Hija ħeġġet sabiex issa nimxu iktar ’il quddiem biex nippromwovu s-supported decision making biex nagħtu iktar indipendenza lil persuni b’diżabilità u jkunu huma li jiddeċiedu dwar ħajjithom.
Biex dan iseħħ hemm il-ħtieġa li aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol u semmiet il-pakkett preżentat fil-baġit u l-liġi relattiva li ġiet moqrija għall-ewwel darba fil-Parlament f’dawn il-ġranet. Qalet ukoll li il-Gvern għandu programm leġiżlattiv impenjattiv ħafna u fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qegħdin jitressqu liġijiet ġodda biex il-qasam tad-diżabilità jiġi imsaħħaħ u promoss ’il quddiem.
Justyne Caruana ppreżentat ċertifikati lil persuni b’diżabilità li attendew għal korsijiet varji biex ikomplu jwessgħu l-għarfien tagħhom f’diversi oqsma u awguratilhom biex ikomplu jitħarrġu sabiex aktar persuni b’diżabilità jiġu integrati fis-settur tax-xogħol. Fuq kollox saħqet biex ikunu protagonisti ta’ dan is-settur li tant qed jingħata spinta u importanza minn dan il-Gvern permezz ta’ Proġett Soċjetà Ġusta.
F’din il-konferenza kienu preżenti wkoll Robert Cutajar bħala rappreżentant tal-Oppożizzjoni u Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika.