Qed naħdem biex noħolqu enerġija u ekonomija mill-baħar – Karmenu Vella

60% tal-ħut li nikkunsmaw fl-Ewropa jiġi impurtat minn barra l-Ewropa 

Il-Kummissarju Ewropew Malti għall-ambjent, Affarijiet Marittimi u Sajd, Karmenu Vella dan l-aħħar kellu diskors li ntlaqa’ tajjeb ħafna waqt konferenza li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Din il-konferenza kienet imtella’ minn Intergroup għall-Ibħra, Xmajjar, Gżejjer u Żoni Kostali - grupp li qed jaħdem biex l-Ewropa taħdem iżjed dwar l-enerġija mill-baħar u grupp li għandu l-barka tal-Kummissarju Karmenu Vella li fid-diskors tiegħu qal li hu għandu programm ambizzjuż għat-tkabbir sostenibbli fis-settur marittimu.

Vella qal li dan il-grupp hu l-post fejn jistgħu jiġu diskussi ideat ġodda, għax il-fatt li l-membri tal-grupp għandhom esperjenzi kbar u rabta diretta maċ-ċittadini Ewropej, għandu jgħin għal politika aktar msaħħa. Dan speċjalment meta nqisu li d-dinja hija magħmulha minn 70% baħar u 30% art.

“L-ibħra għandhom importanza strateġika immensa għall-UE u għall-ekonomija globali. L-ekonomija marittima waħidha tħaddem madwar 5 miljun persuna b’potenzjal ta’ aktar tkabbir. Il-wegħda Ewropea li tipprovdi l-proteini tal-ħut, minerali u enerġija li tiġġedded tiddependi fuq ir-riżorsi tal-ibħra. 75% tal-kummerċ estern tal-UE u 37% ta’ dak intern hu kollu magħmul fuq il-baħar. Iżda dawn l-opportunitajiet ma jiġux mingħajr riskji u responsabilità, hekk kif waħda mit-theddid, fost l-oħrajn huwa l-iskart marittimu – ħaġa li għandha bżonn azzjoni immedjata.

“Hemm bżonn li l-kommunità internazzjonali jkollha l-għodda t-tajba biex tiggarantixxi li l-ibħra jiġu użati b’mod sostenibbli. Fi kliem ieħor hemm bżonn li intejbu l-governanza fl-ibħra internazzjonali. L-ewwel prijorità tal-Kummissjoni hi li nibnu Unjoni tal-Enerġija Ewropea. Kull sena l-Ewropej jonfqu €400 biljun fi fuel li jridu jinġiebu minn pajjiżi li xejn m’huma stabbli. Għandna bżonn sigurtà u enerġija sostenibbli bi prezz affordabbli. Għalhekk irridu nitfgħu ħarsitna band’oħra.”

Vella kompla jgħid li l-prezzijiet ta’ enerġija mir-riħ u mix-xemx neżlin b’pass mgħaġġel. It-turbini tar-riħ fil-preżent raħsu bi 30% minn seba’ snin ilu. “Allura għaliex l-enerġija mill-baħar m’għandiex tkun il-pass li jmiss? L-ibħra tagħna jistgħu joffru enerġija nadifa li m’aħniex nużawha.”

Vella tkellem dwar l-akwakultura fejn l-Ewropa qed tgħin b’fondi biex jgħinu dawk l-istati biex jissimpilfikaw l-proċess tal-iżvilupp ta’ din l-industrija. “Dan jista’ jservi biex nisostwixxu parti mill-importazzjoni tal-ħut li huma 60% mill-ħut kollu li nikkunsmaw.”

“L-Ewropa għandha bżonn sors affidabbli ta’ materja prima għall-industrija. Dan wassal biex diversi pajjiżi Ewropej ħadu l-liċenzja biex jesploraw il-qiegħ tal-baħar għall-minerali. Jekk dawn l-industriji hux se jmorru għall-pass li jmiss li jibdew jiġbdu l-minerali għadna ma nafux. Iżda jekk se jagħmlu dan irridu naraw li dan isir bl-inqas dannu possibbli għall-ambjent.”

Il-Kummissjoni mmexxija minn Karmenu Vella kkumissjonat u ppubblikat studju biex jiżdied l-għarfien pubbliku dwar din l-attività. Fil-fatt saret konsultazzjoni pubblika mal-entitajiet interessati biex jinġabru opinjonijiet diversi.

Il-kummissarju Ewropew qal li l-baħar jista jikontribwixxi għal sfidi ġodda bħal ikel aħjar, enerġija jew trasport aktar nadif u mediċini aktar qawwija. “għalhekk hu kruċjali li jkunu rappreżentati fil-programmi ta’ riċerka fl-Unjoni ewropeja.”

Għal baħar Mediterran Karmenu Vella qal li jridu jibnu fuq is-suċċess tal-istrateġija Adrijatika-Ionia u jiġu esplorati possibilitajiet f’koperazzjoni ġdida fil-baċin tal-baħar Mediterran. Qal li se jorganizza Union għal konferenza Ministerjali tal-Mediterran fuq l-ekonomija l-Blu li ġġib flimkien rappreżentatnti miż-żewġ naħat tal-Mediterran.

Karmenu Vella temm jgħid li l-għan tiegħu hu li jiżviluppa Ewropa tal-Baħar aktar b’saħħitha.

 

More in Politika