Alfred Sant mhux se jivvota favur klawsola dwar operazzjonijiet man-NATO

Bħala pajjiż newtrali Malta ma tistax tipparteċipa fi programmi ta’ alleanza militari

Alfred Sant għamel spjega tal-vot tiegħu fil-Parlament Ewropew fejn qal li Malta hija pajjiż newtrali u speċfikament hija marbuta bil-Kostituzzjoni tagħha li ma tiħux sehem fi programmi ta’ alleanza militari. Sant qal li ma kienx se jivvota favur klawsola fir-rizoluzzjoni li tirreferi għal operazzjonijiet komuni bejn l-UE u n-NATO. Dr. Sant qal dan waqt dibatittu tal-Parlament Ewropew fuq is-Sigurta’ komuni u l-politika ta’ Difiża tal-Unjoni Ewropea

Dr. Sant astjena fuq il-vot finali fuq ir-rapport ‘Financing the Common Security and Defence Policy’. L-Ewroparlamentari Malti nnota li ma kienx jaqbel fejn hemm riferenza għall-koperazzjoni fis-sigurtà u azzjoni bejn l-UE u n-NATO, sakemm ikun ċar li dawn ir-riferenzi ma jinkludux stati newtrali li huma membri tal-UE, u sakemm dawn l-istati newtrali ma jiddeċidux b’mod awtonomu li jkunu assoċjati ma’ din il-koperazzjoni.

Dan jgħodd b’mod partikolari għal Malta, qal Dr Sant, li bħala pajjiż newtrali, hija speċifikament marbuta bil-Kostituzzjoni tagħha li ma tiħux sehem fi programmi ta’ alleanza militari.

Dr Sant ivvota favur żewġ rapporti imressqa quddiem il-Parlament Ewropew wieħed intitolat ‘Common Security and Defence Policy’  u l-ieħor ‘Security and defence capabilities in Europe’ iżda esprima l-istess riservi fuq in-newtralita’ ta’ Malta.

More in Politika