Marlene Farrugia, il-Franco Debono tal-Labour

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li l-ODZ hu kollu prezzjuż u li diġà tlifna ħafna minn dan il-wirt ambjentali taħt gvernijiet differenti. “Qed noħolqu faqar ambjentali li ma nistgħux nifduh u lanqas inġibuh lura qatt.”

Marlene Farrugia lbieraħ waqt it-tnedija tal-Front Ħarsien ODZ
Marlene Farrugia lbieraħ waqt it-tnedija tal-Front Ħarsien ODZ

Marlene, li hi ambjentalista kbira, qalet li l-kwistjoni kollha bdiet fuq sieq ħażina, “għax il-fatt li lanqas biss ħarġet espressjoni ta’ interess biex tingħata l-art, ukoll mhix tajba. Ma jistax ikun li min jiġi b’kartiera mimlija flus nagħtuh artna. Jien u l-ambjentalisti favur l-iżvilupp u l-investiment, iżda mhux askapitu tad-detriment tal-ftit art verġni li baqgħalna.”

Dwar il-proġett taż-Żonqor, Marlene qalet li marret iddur iż-żona kollha bħala politiku -“Ma kellha qatt tiġi politiċizzata għax kwistjoni bħal din trid tittieħed b’passjoni favur pajjiżna u mhux favur xi partit jew ieħor. Dwar din iż-żona, flimkien ma’ diversi għaqdiet ambjentalisti, konna diġà ddeċidejna li kellu jsir park nazzjonali fejn il-familji setgħu jgawdu dan l-ambjent sabiħ. Konna waqqafna wkoll il-proposta biex issir triq u kellha ssir biss trejqa fejn timxi u trejqa għar-roti biex l-agrikoltura tiġi inċentivata u l-fortifikazzjonijiet jiġu restawrati.”

Farrugia kompliet tgħid li “rċevejt messaġġ minn xi residenti li għadda minn widnejhom li se jsir xi żvilupp enormi. Filgħaxija attendejt l-grupp parlamentari fejn il-Prim Ministru qalilna dak li kont diġà sirt naf permezz ta’ messaġġ. Staqsjetu jekk il-proġett hux se jkun fiż-żona taż-Żonqor u weġibni fl-affermattiv. Dwar dak li ġara f’dak il-grupp se nżommu għalija għax dak il-grupp mhux pubbliku. Però jien u l-Prim Ministru qattajna tmiem il-ġimgħa kollu nibagħtu l-messaġġi fuq il-Whatsapp, biex nikkonvinċih biex għall-proġett tintuża art diġà żviluppata. Tlabtu biex jaħsibha darbtejn għax kellu implikazzjonijiet ambjentali u politiċi x’jiffaċċja.”

Marlene qalet li hu qatt m’għalqilha l-bieb u dejjem baqa’ jiddiskuti magħha, sal-ġurnata tal-lum. “Għalhekk nemmen li għad nistgħu nsibu alternattivi u nemmen li s-sens komun se jirrenja. Għandi fiduċja sħiħa fil-Prim Ministru li fl-aħħar jisma’ mill-poplu u jagħmel l-aħjar għażla għall-ġid tan-Nazzjon kollu.”

Ma kellha qatt tiġi politiċizzata għax kwistjoni bħal din trid tittieħed b’passjoni favur pajjiżna u mhux favur xi partit jew ieħor

Farrugia temmen li jistgħu jintużaw binjiet storiċi li jiġu restawrati u art oħra diġà żviluppata, “biex nibqgħu mal-manifest elettorali li nimxu pari passu mal-iżvilupp sostenibbli u hekk ikun hemm tkabbir ekonomiku u fl-istess ħin jirrendih sostenibbli minn kull lat.”

Staqsejtha jekk hemmx oħrajn mill-kamp Laburista li jaqblu magħha u jekk dan hu hekk għaliex hi biss qed titkellem, “Da żgur li hemm, tnikkitni li kważi kważi bis-skiet tagħhom qed iwasslu messaġġ li tingħata 90,000 metru kwadru ta’ art verġni u agrikola tal-proġett fejn qed jiġi propost hu aċċettabbli. Għax nifhem li hemm min biex iżomm l-pożizzjoni li għandu jew biex jiggwadanja xi pożizzjoni aħjar joqgħod sieket.”

Fl-istess ħin fuq is-siti soċjali ħafna Laburisti mhux qed jieħdu gost bil-kritika tagħha, għalkemm esponenti politiċi mill-moviment ta’ Muscat bħal Cyrus Engerer u Robert Musumeci fost oħrajn, qed juru li jaqblu li moviment b’saħħtu hu mibni f’diversità ta’ opinjonijiet. “Il-pożizzjoni li qed nieħu qed nirrapreżenta lil dawk li rnexxielhom jogħlew ’il fuq mill-passjoni partiġġjana u għall-ewwel darba tefgħu l-fiduċja u l-vot tagħhom fil-moviment - moviment li wiegħed li jwaqqaf l-isfreġju ambjentali,  moviment li wiegħed ħarsien tas-settur agrikolu li kien ħa daqqa kbira fl-amministrazzjoni ta’ qabel u li jilqa’ l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili fid-diskussjoni.”

“Dwar dawk il-Laburisti li qed joħduha kontrija huma dawk li jisimgħu l-One News li hu l-vanġelu tagħhom u jieħdu l-linja tal-partit fil-Gvern mingħajr ma jistaqsu l-implikazzjonijiet x’ser ikunu.”

Mitluba tgħid x’tagħmel jekk din il-kwistjoni tispiċċa għal vot Parlamentari, weġbitni qabel spiċċajt il-mistoqsija, “M’hemmx dubju nivvota kontra l-proġett kif inhu propost illum. Iżda sadanittant se nibqa’ nistinka li jinstab sit alternattiv. Jien u l-ambjentalisti l-oħra favur l-investiment imma kontra l-mod kif sar. Missu nħareġ espressjoni ta’ interess u mhux jekk tiġi b’kartiera mimlija tingħata l-art.”

Il-fatt li qed iħalli l-bibien miftuħa għal dak li qed jiġi kkritikat dwar din il-kwistjoni, jista’ jfisser li għad m’għandux konvinzjoni fid-deċiżjoni meħuda. Għalhekk staqsejtha jekk taħsibx li l-Prim Ministru hux maħkum mill-iżviluppaturi, “Nippreferi nemmen u nibqa’ nemmen li m’hemmx pressjonijiet u raġunijiet ulterjuri għalfejn il-Prim Ministru għadu ma marx għal għażla li tigarantixxi investiment kif ukoll l-użu sostenibbli ta’ art diġà żviluppata jew binjiet storiċi li diġà jeżistu.”

Sadanittant il-Knisja tkellmet kontra dan l-iżvilupp permezz tal-Arċisqof Scicluna, fejn ħafna Laburisti qed jattakkawh li qed jindaħal politikament, “naqbel li l-Arċisqof jitkellem għax hu wieħed mill-mexxejja ta’ din is-soċjetà. Għandu dritt li jiddefendi drittijiet bażiċi ta’ ħafna nies li ma jitkellmux għax jibżgħu, imma xorta jifhmu li l-wirt nazzjonali naturali għandu jiġi mħaddan u jiġi rispettat bl-aktar mod b’saħħtu.”

Marlene Farrugia kienet talbet lil President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro biex tintervjeni, “Iva u fil-fatt ċemplitli u għarrfitni li hi tifhem it-tħassib tagħna u li se tagħmel dak kollu possibbli biex tassigura kwalità ta’ ħajja aħjar, partikolarment għat-tfal tagħna.” 

Marlene Farrugia dan l-aħħar kien hemm min attakkaha minħabba propjetà tagħha fejn għamlet swimming pool f’allegat art ODŻ fil-Qrendi. “Żbaljat ħafna min ikkritikani dwar dan,” qaltli d-deputat Laburista, “kont xtrajt torri storiku li madwaru kellu art kbira li kienet bil-permessi għal bini u biex żgur ma tinbeniex jien stess tlabt li l-art tiġi skjedata. Ma rridx li din il-propjetà fil-futur tiġi għand xi ħaddieħor u tinbena. Dwar l-iswimming pool għamiltha eżatt fejn kien hemm barriera u bil-permessi kollha li kienu hemm qabel xtrajt l-propjetà. Dwar l-ambjent żgur li lili ħadd mhu se jsibli xejn għax iffissata fuqu.”

More in Politika