Il-Whistleblower Joseph Cauchi jressaq kontroprotest quddiem il-Qorti

Jgħid li Busuttil qed juża l-protesta ġudizzjarja bħala propaganda politika

Joe Cauchi mal-avukat tiegħu Robert Abela
Joe Cauchi mal-avukat tiegħu Robert Abela

Il-whistleblower Joseph Cauchi ppreżenta kontroprotest, wara s-sottomissjoni ta' protesta ġudizzjarja tal-kap tal-PN Simon Busuttil.

Fil-kontro-protesta ppreżentata lill-Qorti t'Għawdex dalgħodu, l-avukat ta' Cauchi, Robert Abela ċaħad l-allegazzjonijiet li saru minn Busuttil u qal li t-tweġiba tal-PN kellha nuqqasijet kbar, u li legalment din kienet bla użu.

Huwa akkuża lil Busuttil li ppreżenta din il-protesta ġudizzjarja għal propaganda politika - biex jirbaħ aktar punti. Busuttil kien akkużat ukoll li uża l-influwenza tiegħu sabiex jagħmel pressjoni fuq Cauchi biex ibiddel il-verżjoni tiegħu ta' kif ġraw l-affarijiet u biex jagħti xhieda falza. L-instigazzjoni ta' xhieda falza u li tagħmel pressjoni fuq persuni legalment protetti bħalma huma l-whistleblowers hija offiża kriminali.

Il-kontroprotest tiddeskrivi l-allegazzjonijiet tal-mexxej tal-PN bħala kontradittorji fejn jingħad li "waqt li Cauchi kien qed jikkonferma l-verżjoni tiegħu tal-fatti fil-Qorti fis-26 ta' Mejju, Busuttil tkellem fuq il-laqgħa tiegħu ma' Cauchi, u issa permezz tal-protesta ġudizzjarja, fejn hu allega li Cauchi qed jixhed falz u li qed jagħmel dikjarazzjonijiet ta' malfama."

Din il-kontro-protesta hija tweġiba għall-protesta ġudizzjarja li tressqet mill-kap tal-PN wara li xehed Cauchi quddiem il-Qorti t'Għawdex nhar it-Tlieta. Fiha Busuttil ddeskriva l-allegazzjonijiet ta' Cauchi, li fihom qed jgħid li ġie mċanfar talli aċċetta xogħlijiet mill-ministeru t'Għawdex meta kien jaf li l-PN kien se jitlef l-elezzjoni, bħala "banalità assoluta".

More in Politika