Wara li fil-5 ta' Frar il-Qorti Ċivili kienet iddikjarat li l-PN għandu jingħata żewġ siġġijiet oħra biex b'hekk id-distakk fil-voti jkun rifless ukoll fin-numru ta' siġġijiet, l-istess deċiżjoni dalgħodu ġiet annullata mill-Qorti tal-Appell.
Il-Qorti tal-Appell ħassret id-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili għall-fatt li l-Partit Laburista ma kienx imsejjaħ fil-kawża. Hija żiedet tgħid li l-kawża għandha terġa' tibda tinstema' mill-bidu u l-Partit Laburista għandu jkun imsejjaħ fiha.
Intant, fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tal-lum tfisser li l-Partit Laburista rnexxielu jaħli ż-żmien biex il-ġustizzja ma ssirx. “B’konsegwenza ta’ dan, diġà ntilfu aktar minn sentejn minn ħamsa li fihom l-Oppożizzjoni suppost għandha żewġ siġġijiet aktar fil-Parlament.”