Titlesta fażi oħra mill-proġett għat-taffija tal-għargħar
Tlesta l-komponent li jgħaqqad Ħaż-Żebbuġ ma’ Ħal-Qormi u l-Marsa
More in Politika
Tlesta l-komponent li jgħaqqad Ħaż-Żebbuġ ma’ Ħal-Qormi u l-Marsa
Wara li fix-xhur li għaddew, tlesta l-komponent ta’ Ħal Qormi mill-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar, issa tlesta wkoll il-komponent li jgħaqqad Ħaż-Żebbuġ ma’ Ħal-Qormi u l-Marsa.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg.
Il-proġett, b’kollox, fih madwar 16-il kilometru ta’ mini taħt l-art b’dijametru ta’ aktar minn 3 metri, biex jilqgħu fihom l-ilma tax-xita mil-lokalitajiet li jsofru l-aktar mill-għargħar. Permezz ta’ din l-infrastruttura, l-ilma tax-xita jinqabad u jintefa’ f’mini minflok jgħarraq it-toroq.
Il-Ministru Joe Mizzi spjega li ħafna mix-xogħol biex inbnew mini b’tul ta’ 2.3 kilomteru, sar taħt l-art u ħafna mix-xogħol sar ukoll bil-lejl.
F’dan il-komponent partikolari, kien hemm xi ftit ta’ dewmien minħabba li nstab xelter ta’ żmien il-Gwerra u għalhekk, kellu jsir re-alignment tal-mina. Dan ix-xogħol sar bil-preżenza ta’ arkeoloġisti li tul il-proċess żammew rekord tas-sejbiet.
Huwa qal li l-ħaddiema ltaqgħu ma’ diversi problemi, fosthom nixxiegħat ta’ drenaġġ u katusi mkissrin. Il-Ministru Mizzi fakkar x’kien ġara f’Ħal Lija, fejn l-ilma tad-drenaġġ beda jitħallat mal-ilma tal-pjan u kellha tinbena s-sistema tal-ilma mill-ġdid.
Permezz ta’ dan il-proġett, f’Ħaż-Żebbuġ, numru ta’ toroq li kienu jegħrqu fix-xitwa, mill-istaġun li jmiss, se jibdew jaraw il-frott tal-proġett. Barra minn hekk, ix-xogħol fuq il-wiċċ tat-triq kien jinvolvi wkoll landscaping u tisbieħ taż-żona biex il-pubbliku jkun jista’ jibqa’ igawdi mill-ispazju miftuħ. Din il-parti tal-proġett swiet €4.2 miljun.
Filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut fil-proġett, b’mod speċjali lill-ħaddiema, il-Ministru ħabbar li ftit tal-ġimgħat oħra, se jkun qed jitlesta wkoll il-komponent ta’ Ħaż-Żabbar.
Fl-intervent tiegħu s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l- komponent miżjud fuq Ħaż-Żebbuġ jikkonsisti wkoll f’stormwater street collector li jingħaqad mas-sistema tal-mini li hi 2.3km twila u li twassal sa Wied Qirda.
Dr Borg spjega kif apparti mis-sistema li għaddejja taħt l-art, din l-estensjoni rat iż-żieda ta’ madwar 400m ta’ culverts li jibdew minn Triq 12 ta’ Mejju sa Triq il-Kbira li wkoll ingħatat wiċċ ġdid sabiex jiġi evitat kull inkonvenjent waqt li s-sistema tal-mini f’Ħaż-Żebbuġ ħasbet ukoll biex tilqa l-ħama li tista’ tinġarr. Matul il-proġett, tnaddfu il-mini li jibdew minn Triq il-Buskett u minn Triq il-Mitħna u li jgħaddu minn Triq il-Grazzja, Triq il-Kbira, Triq Sant’Antnin, Triq is-Siġġiewi sa Wied Qirda.
Is-Segretarju Parlamentari Borg temm jgħid li dan ix-xogħol kollu, inkluż l-estensjoni li tkopri l-parti ta’ Ħaż-Żebbuġ – sar kollu fl-aħħar tliet snin bil-parti l-kbira tiegħu taħt l-amministrazzjoni preżenti u sewa madwar €4.2 miljun ta’ fondi Ewropej. Dan kollu sabiex Ħaż-Żebbuġ u r-residenti Żebbuġin ikunu jistgħu jgawdu u jibbenefikaw bħalma bbenefikaw ukoll residenti Qriema u tal-madwar minn dan il-proġett nazzjonali.