L-istudenti Għawdxin fehmuni ħażin – Ċensu Galea
Mistoqsija Parlamentari li ħolqot rabja fost l-istudenti Għawdxin
minn John Busuttil

Mistoqsija Parlamentari tal-perit Ċensu Galea lill-Ministru Joe Mizzi qajmet għagħa sħiħ mal-istudenti Għawdxin, li mill-ewwel ħarġu stqarrija li ma jaqblux mas-suġġeriment tad-deputat Nazzjonalista li ssuġerixxa li l-karozza tal-linja X1 tibda tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar.
Meta ġie kuntattjat mill-gazzetta ILLUM, Ċensu Galea, l-eks Ministru tat-Trasport Pubbliku, qalilna li ġie miftiehem ħażin minn kulħadd -“Vera li l-mistoqsija Parlamentari tiegħi ħolqot rabja, tant li kelli xi messaġġi privati li ħaduha kontra tiegħi. Iżda dan kollu għax inftehmt ħażin. Il-fatt hu li għandi informazzjoni li din ir-rotta se tinqasam fil-futur u se ssir X1 u X1A, fejn waħda se tibda tmur miċ-Ċirkewwa, Sptar Mater Dei, l-Università u l-MCAST. Din m’hemmx għalfejn tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl għax diġà hemm rotot oħra li jwasslu lin-nies ta’ San Pawl għal dawk id-destinazzjonijiet.”
“Jien kont qed nirreferi għar-rotta l-ġdida li se tkun express bejn iċ-Ċirkewwa u l-Ajruport li mhu se tieqaf imkien biex tkun veloċi. Jien issuġerejt li flok ma tieqaf imkien din ir-rotta tgħaddi miċ-ċentru ta’ San Pawl u tieqaf fi stage wieħed jew tnejn biss. Hekk, dawk min-naħa tax-Xemxija u min-naħa taċ-ċentru ta’ San Pawl li jkunu jridu jmorru l-ajruport, b’mod partikolari l-ħafna turisti li jkun hemm San Pawl, ikunu moqdijin ukoll. Wara San Pawl imbagħad tibqa sejra.”
“Jiġifieri jien qatt ma kont qed nirreferi li ntellef lill-istudenti Għawdxin u lil dawk l-Għawdxin li jkunu jridu jmorru l-isptar. Nispera li issa qed niftiehem aħjar.”
L-X1 fil-fatt hi rotta ferm użata mill-Għawdxin għax miċ-Ċirkewwa tibqa’ sejra sal-Ajruport b’seba waqfiet biss Mellieħa, Pembroke, Sptar Mater Dei, l-Università, il-Marsa Park & Ride, L-Imgieret u l-Ajruport. Għalhekk dawk li jkollhom appuntamenti għall-Isptar u ħinijiet biex jaqbdu ajruplan jew lezzjonijiet l-Università jitwasslu fl-inqas ħin possibbli. Fil-fatt miċ-Ċirkewwa sal-ajruport tieħu eżatt siegħa u 10 minuti.
Il-perit Ċensu Galea issuġġerixxa li din ir-rotta tibda tgħaddi minn San Pawl il-Baħar biex jinqdew in-nies ta’ San Pawl il-Baħar. Mill-ewwel il-GUG, l-Għaqda tal-Istudenti Universitarji Għawdxin ħarġu stqarrija kontra s-suġġeriment ta’ Ċensu Galea fejn anke kien hemm diversi lmenti minn Għawdxin fuq Facebook.
L-Għaqda tal-Istudenti Għawdxin qalet li l-X1 qiegħda hemm biex taqdi l-istudenti Għawdxin li jmorru l-Università u anke lil dawk ir-residenti Għawdxin li jkunu jridu jmorru l-Isptar jew l-Ajruport fl-inqas ħin possibbli għax dawk li jgħaddu miċ-ċentru ta' San Pawl il-baħar huma rinomati li jeħlu fit-traffiku u jieħdu ħafna aktar ħin.

