Il-ministri jeħtieġu l-approvazzjoni tal-OPM qabel jikkomunikaw mal-media

Dan skont il-Kodiċi ta' Etika l-ġdid ġie ppubblikat erba' xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu

Il-kelliem għall-OPM Kurt Farrugia flimkien mal-PM Joseph Muscat
Il-kelliem għall-OPM Kurt Farrugia flimkien mal-PM Joseph Muscat

Il-Ministri issa ser ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Uffiċju tal-Prim Ministru qabel jagħtu intervisti, jorganizzaw attivitajiet, jew inkella jippubblikaw dikjarazzjonijiet. Dan skont il-Kodiċi tal-Etika Ministerjali li ġie rivedut dan l-aħħar.

Mal-Kodiċi ta' Etika li kien ġa eżistenti, ġew miżjuda żewġ punti. Wieħed minnhom huwa li l-membri tal-Kabinett jistgħu jżommu x-xogħol privat tagħhom, dejjem jekk ikun meqjus fl-"interess nazzjonali", filwaqt li punt ieħor għandu x'jaqsam mar-relazzjonijiet tal-ministri mal-pubbliku, fl-interazzjoni li għandhom mal-media.

Dak li kien qabel meqjus bħala "ta' proċedura" issa tneħha mill-kodiċi nnifsu u ġie mniżżel f'manwal tal-Kabinett li jakkompanja lill-dan il-Kodiċi t'Etika.

Skont il-punt 10 fil-kodiċi m inisterjali, il-ministri għandhom jinfurmaw ta' spiss lill-pubbliku u lill-media bl-attivitajiet ministerjali tagħhom. "Minħabba f'hekk, għal koordinazzjoni effettiva, dikjarazzjonijiet, intervisti, u attivitajiet ministerjali l-ewwel għandhom jirċevu l-approvazzjoni tal-Uffiċju tal-Prim Ministru."

Il-Kodiċi ta' Etika jgħid ukoll li kull informazzjoni żbaljata li tinxtered għandha tiġi kkoreġuta mmedjatament, u li l-ministri għandhom ikollhom kommunikazzjoni miftuħa u sħiha mal-imsieħba soċjali, NGOs, organizzaazzjonijiet professjonali, il-media u l-pubbliku.

 

More in Politika