Pospost il-vot fuq it-TTIP fil-Parlament Ewropew

Ftehim kontroversjali għall-kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea

Il-President tal-PE Martin Schulz ikellem xi wħud li bdew jipprotestaw kontra t-TTIP
Il-President tal-PE Martin Schulz ikellem xi wħud li bdew jipprotestaw kontra t-TTIP

Il-Parlament Ewropew ppospona l-vot dwar ftehim għall-kummerċ ħieles mal-Istati Uniti, magħruf bħala TTIP. Il-vot kellu jittieħed ilbieraħ waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strassburgu.

Il-mexxejja parlamentari bdew jittamaw li l-ftehim ikollu l-istess appoġġ li kellu fil-Kummissjoni Ewropea. Minkejja li l-approvazzjoni tal-Parlament mhix essenzjali f'dan l-istadju, hija kruċjali għas-suċċess, jew in-nuqqas tiegħu, tal-proġett.

Minflok iżda kien hemm oppożizzjoni minn ħafna mill-membri tal-S&D, u minħabba wkoll pressjoni li kien hemm minn organizzazzjonijiet non-governattivi - li opponew is-Sħubija ta' Investiment u Kummerċ Transatlantiku. Dan kollu għamlu aktar diffiċli biex ikun hemm qbil bejn il-gruppi parlamentari nfushom qabel il-vot tal-bieraħ.

Wara aktar minn 200 emenda li saru mill-MPE, il-President tal-Parlament Martin Schulz iddeċieda li jibgħat lura t-test lill-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali (INTA).

Id-dibattitu mistenni jkompli llum iżda dan id-dewmien fuq il-vot juri biċ-ċar kemm sar kontroversjali t-TTIP fl-Ewropa. Aktar kmieni din il-ġimgħa matul is-summit tal-G7, il-President tal-Istati Uniti Barack Obama u l-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel ħeġġew li ma jkunx hemm aktar dewmien fuq it-taħdidiet ta' kummerċ.

 

More in Politika