Rabja mill-PN għax Konrad Mizzi ma tfaċċax fil-parlament

L-oppożizzjoni dehret irrabjata li Mizzi ma kienx preżenti jwieġeb mistoqsijiet supplementari dwar iż-żjara fl-Azerbaijan

Il-Ministru Konrad Mizzi llejla ma kienx preżenti għas-seduta tal-Parlament fejn kien hemm diversi mistoqsijiet parlamentari mill-oppożizzjoni diretti għalih fil-każ taż-żjajjar tiegħu fl-Azerbaijan. Il-whip tal-gvern it-tabib Godfrey Farrugia ma setax jispjega n-nuqqas tal-ministru filwaqt li s-segretarju parlamentari Chris Fearne beda jwieġeb il-mistoqsijiet.

Fil-fatt Fearne qal li Mizzi mar tliet darbiet l-Azerbaijan iżda ma tax dettalji dwar dawn iż-żjajjar, filwaqt li qal lil Kap tal-Oppożizzjoni li anke Simon Busuttil sejjer iċ-Ċina mingħajr ma avża lil ħadd u l-gvern sar jaf mill-midja Ċiniża stess. Hawn Busuttil wieġeb li d-differenza bejnu u bejn Mizzi hu li ż-żjara tiegħu fiċ-Ċina mhux se titħallas mit-taxxa ytal-poplu filwaqt li ż-żjajjar ta' Mizzi fl-Azerbaijan huma mħallsa mit-taxxi tal-poplu.

Għal diversi mistoqsijiet supplementari li bdew isiru mill-oppożizzjoni Fearne ma weġibx għax ma kellux informazzjoni biżżejjed u talab ukoll biex dawn il- mistoqsijiet jsiru bil-miktub. Beppe Fenech Adami  b'mod sarkastiku qal li issa mhux biss il-mara ta' Mizzi sparixxiet imma anke hu. Il-Kap tal-oppożizzjoni talab biex tiġi sospiċa is-seduta u jissejjah Konrad Mizzi biex imur il-parlament iżda l-ispeaker qal li mhux il-każ.

More in Politika