Bethlehem f'Għajnsielem jirbaħ il-premju Nazzjonali għall-appoġġ lill-Intrapriża
Fit-tieni post ġie klassifikat il=Kunsill lokali ta' Valletta bil-proġett Town Centre Management
minn John Busuttil
F’ċerimonja li saret fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, tħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża 2015. Il-kompetizzjoni, li pparteċipaw fiha n-numru sabiħ ta’ 15-il proġett, kienet maqsuma f’żewġ sezzjonijiet, waħda tal-Kunsilli Lokali u oħra għall-entitajiet oħra.
Ir-rebbieħa ta’ din is-sena kienu l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem bil-proġett Bethlehem f’Għajnsielem u l-Malta Employers Association bil-proġett Stengthening the Business Environment Through Active Social Dialogue. Ir-rebbieħa taż-żewġ sezzjonijiet ingħataw premju ta’ €14,000. €10,000 ingħataw immedjatament filwaqt li l-€4,000 l-oħra ser jingħataw fix-xhur li ġejjin skond il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ proġett ieħor li kien imħabbar fl-applikazzjoni.
Il-Kunsill Lokali Valletta ġie klassifikat fit-tieni post bil-proġett Town Centre Management waqt li l-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry ġie fit-tieni post tal-kategorija tal-entitajiet l-oħra bil-proġett A Joint Corporate Social Responsability Initiative. Dawn ingħataw premju ta’ €9,000. €6,000 immedjatament, filwaqt li t-€3,000 l-oħra se jingħataw fix-xhur li ġejjin ukoll taħt l-istess kundizzjoni tar-rebbieħa Ingħata wkoll premju ta’ konsolazzjoni ta’ €2,000 fis-sezzjoni miftuħa għall-entitajiet oħra lil The Definitive(ly) Good Guide Co. Ltd bil-proġett: Malta Artisan Markets.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona qal li n-numru ta’ proġetti li daħlu għall-kompetizzjoni jawgura tajjeb biex ikun żgurat li inizjattivi favur l-intraprenditorija għadhom qed jiġu ippjanati u implimentati.
“Il-Premju mhuwiex biss kompetizzjoni li twassal lir-rebbieħa għal rigal ta’ flus iżda għandu wkoll iservi biex jitqajjem għarfien dwar l-intrapriża u biex kull min huwa eliġibbli biex jikkompeti, ikollu inċentiv ieħor biex ikun kreattiv fl-inizjattivi li jieħu biex jitkattar is-settur kummerċjali”, saħaq il-Ministru Cardona.
Huwa rringrazzja lil kull min ikkontribwixxa biex tkun implimentata din l-inizjattiva’ b’suċċess, partikolarment il-Ministeru tal-Finanzi, id-Dipartiment tal-Kummerċ, id-Direttorat tal-Enterprise Policy & Schemes fl-istess Ministeru, il-Kumitat ta’ Selezzjoni u dawk kollha li ipparteċipaw bil-proġetti tagħhom.
Il-Ministru Cardona ħabbar li ż-żewġ proġetti li se jikkompetu fil-European Enterprise Promotion Awards aktar tard din is-sena fl-Lussemburgu: Malta Employers’ Association (MEA) bil-proġett: Strengthening the Business Environment through Active Social Dialogue u l-Kunsill Lokali Għajnsielem bil-proġett: Bethlehem f’Għajnsielem.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mis-Sur Noel Bartolo, Chairperson tal-Kumitat ta’ Selezzjoni.
Il-Kunsilli Lokali li ħadu sehem huma:
- Ħal Qormi
- Mellieħa
- Mdina
- Valletta
- Għajnsielem
- Għaxaq
L-Entitajiet Oħra li pparteċipanti huma:
- Chamber of Commerce, Enterprise and Industry
- Junior Achievement Young Enterprise Malta Foundation
- St. Thomas More College Girls’ Secondary School
- Malta Business Bureau,
- Definitive(ly) Good Guide Co.
- Malta Employers Association
- Malta Hotels and Restaurants Association