Ħadd ma jemmen li Michael Falzon – Jason Azzopardi
Falzon siefer ma’ Gaffarena u ltaqa’ miegħu f’Kastilja
More in Politika
Falzon siefer ma’ Gaffarena u ltaqa’ miegħu f’Kastilja
“Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ammetta – wara li ġew żvelati dettalji fil-media dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka – li siefer ma’ Mark Gaffarena u anke ltaqa’ miegħu fl-aħħar sena f’Kastilja. Dan kollu jikkonferma kemm Michael Falzon kien jaf b’kollox, u mhux jitwemmen meta jgħid li ma kien jaf b’xejn u li hu ma kienx involut. Hu għalhekk li l-pożizzjoni ta’ Michael Falzon m’għadiex tenibbli u l-Prim Ministru għandu jaġixxi minnufih.” Dan qali x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet li trattat l-involviment ta’ Michael Falzon fl-iskandlu ta’ Strada Zekka. “Dan minbarra l-fatt li Michael Falzon iltaqa’ ma’ Mark Gaffarena f’laqgħa f’Kastilja fil-bidu, u kien hu li ffirma l-kuntratt fl-aħħar,” qal Jason Azzopardi.
Azzopardi tkellem ukoll dwar il-fatt li meta Mark Gaffarena mar qal x’kellu f’moħħu lil Michael Falzon f’Kastilja, flok qallu li dak li kien irid kien skandlu u ma setax isir, bagħtu għand id-Dipartiment tal-Artijiet biex jinnegozja hemm. Fl-istess ħin, l-uffiċjal f’Kastilja Clint Scerri – li jaħdem għal Michael Falzon - kien qed jakkumpanja lil Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet.
“Huwa ċar li Michael Falzon kien jaf mill-bidu sal-aħħar x’kien qed jiġri f’dan l-iskandlu – tant li hu ltaqa’ ma’ Gaffarena, hu bagħtu d-Dipartiment tal-Artijiet, l-impjegat tiegħu akkumpanjah, imbagħad hu ffirma l-kuntratt finali,” qal Jason Azzopardi.
Minn naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus fakkar li l-amministrazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet hija kollha magħmula minn persuni ta’ fiduċja tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Hu fakkar li l-eks Kummissarju tal-Artijiet Joe Bugeja kien kostrett jirriżenja mill-kariga minħabba indħil li kellu f’xogħlu.
Ryan Callus tkellem dwar dak li ġie żvelat minn The Times illum, jiġifieri li mill-affarijiet kif ġraw huwa ovju li jew Mark Gaffarena kellu informazzjoni li mhux suppost kien jaf minn ġewwa, jew inkella kien hu li nsista li tiġi esproprjata l-art li kien għadu se jixtri. Ryan Callus qal li, skont The Times, il-periti tal-Gvern kienu diġà għamlu l-istimi tal-art f’Baħar iċ-Ċagħaq meta Mark Gaffarena kien għadu lanqas biss xtara t-tieni kwart tal-proprjetà fi Strada Zekka li ġie esproprjata bħala parti minn deal li ra l-art ta’ Baħar iċ-Ċagħaq tingħata lil Mark Gaffarena.
“Dan huwa każ ta’ ħmieġ, ħmieġ jinten b’riħa ċara ta’ korruzzjoni,” qal Ryan Callus. Hu sostna li l-fatt li l-Prim Ministru qal li jista’ jkun ireġġa’ l-affarijiet lura mhux biżżejjed għaliex il-fatti kollha juru li dan ma kienx żball – kif prova jpinġija l-Prim Ministru fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier – iżda skandlu premeditat li għamel individwi multi-miljunarju mill-lum għall-għada.