Malta b'żieda ta' 20% fl-esportazzjoni

Kien biss f'Ċipru u l-Irlanda li kien hemm aktar żidiet minn pajjiżna

Bejn Jannar u April ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 20% fl-esportazzjoni minn Malta. Stqarrija tal-Eurostat turi li kien biss f’Ċipru u fl-Irlanda li kien hemm żidiet aktar milli kien hemm f’pajjiżna. Iż-żieda f’Malta kienet kważi tliet darbiet aktar minn dik irreġistrata bħala medja fl-Unjoni Ewropea.

Skont l-Eurostat, l-ikbar tkabbir ġie osservat fil-kummerċ li pajjiżna għamel ma’ pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, produtturi lokali raw żieda ta’ 45% fl-esportazzjoni lejn dawn il-pajjiżi. Din kienet it-tieni l-ikbar żieda fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li "dawn ir-riżultati jispjegaw għalfejn l-istħarriġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel fost azjendi u konsumaturi fil-fatt ilu jindika żieda fl-ottimiżmu tal-operaturi industrijali. F’April il-livell ta’ kunfidenza fost l-azjendi industrijali Maltin u Għawdxin kien it-tieni l-ogħla fiż-żona ewro. Ħafna mill-kumpaniji tal-manifattura sostnew li żiedu l-produzzjoni f’dawn l-aħħar xhur, filwaqt li oħrajn qalu li qed jistennew aktar titjib fix-xhur li ġejjin. Għalhekk sostnew li se jkunu qed iżidu n-numru ta’ impjegati magħhom. Fil-fatt, minn Marzu 2013 ‘l hawn diġà kien hemm żieda ta’ 128 impjegat full-time fis-settur tal-manifattura, kontra l-eluf ta’ sensji li kien hemm fil-ħames snin ta’ qabel."

"Fix-xhur li ġejjin se tirranka aktar il-ħidma favur l-azjendi. Wara li diġà ġew implimentati miżuri pożittivi, bħat-traħħis tad-dawl u l-ilma, ir-roħs fil-petrol u d-diesel u l-impenn favur it-taħriġ taż-żgħażagħ tagħna, il-Gvern se jkompli jsostni l-ottimiżmu qawwi li qed juru l-azjendi ta’ pajjiżna." temm jgħid.

More in Politika