Għalkemm il-livelli proposti huma ta’ sfida kbira, is-saħħa ambjentali għandha tkun dejjem fuq quddiem nett tal-aġenda Ewropea. Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-Ministri tal-Ambjent li nżammet fil-Lussemburgu, il-pożizzjoni ta' Malta dwar il-kwalità tal-arja u l-proċess tat-tibdil tal-klima.
Kompla jsostni li f'kuntest lokali meta nqisu ċ-ċokon ta’ pajjiżna flimkien mad-densità qawwija tat-traffiku fit-toroq tagħna, kif ukoll id-densità tal-popolazzjoni, għandu jsir kull sforz possibbli biex nersqu lejn dawn il-miri b’kuraġġ u f’mod proattiv anki jekk forsi dawn l-istess miri jistgħu jitqiesu ambizzjużi żżejjed. Daqstant ieħor, Malta temmen li l-UE għandha tisħaq ukoll għall-implimentazzjoni aktar effettiva tal-leġiżlazzjoni preżenti.
Il-Gvern Malti fi stqarrija qal li japprezza l-fatt li l-Kunsill Ewropew qed jistaqsi minn rajh dwar dawn id-diffikultajiet li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw l-Istati Membri flok ma jħallu għall-aħħar u jiffissaw miri li ħafna pajjiżi jispiċċaw isibuha diffiċli biex jilħqu.
Brincat qal ukoll li huwa meħtieġ li fejn jidħlu Euro Standards fil-qasam tat-trasport, ġaladarba mhux kemm wieħed iġiegħel lis-soċjetà Maltija tnaqqas l-għadd ta’ karozzi fit-triq, hemm bżonn li nkomplu nintensifikaw l-isforzi tagħna biex ikun hemm karozzi li jniġġsu anqas fit-toroq. Dan meta t-traffiku ħafna drabi qed ikun wieħed mill-fatturi ewlenin tat-trab fin fil-pajjiż. Qal li Malta tinsab lesta li tieħu sehem sħiħ fin-negozjati maħsuba biex l-għanijiet tal-pakkett propost mill-UE jintlaħaq b'mod effettiv u realistiku.
Dwar il-proċess tat-tibdil tal-klima, il-Ministru Leo Brincat qal li speċjalment wara l-laqgħat ta' Bonn ta' ftit jiem ilu, Malta tinsab imħassba dwar il-livell ta’ progress li laħqu sħab internazzjonali oħrajn lil hinn mill-UE u jittama u jawgura li dawn jintegraw ruħhom u jimpenjaw ruħhom dejjem aktar fil-proċess globali, b'mod aktar effettiv meta ż-żmien dieħel sew għas-Summit ta' Pariġi. Kemm ser jirnexxilhom jagħmlu dan se jkollu impatt dirett fuq kemm verament se jispiċċa jkun ambizzjuż il-ftehim li jista’ jintlaħaq f’Pariġi.
L-aspett tal-hekk imsejjaħ Climate Finance - dak tal-finanzi fil-kuntest tat-tibdil tal-klima – jibqa’ ċ-ċavetta ta' kollox għaliex jekk dawn ma jissarfux b'mod effettiv, inkunu qed nibnu fuq it-tafal. Dan għandu jsir f'mod meqjus u maħsub sew li jirrifletti l-livell ta' żvilupp tal-Istati Membri involuti fil-proċess innifsu, kif ukoll tal-ħila tagħhom li jikkontribwixxu kif mistenni u xieraq biex jgħinu lill-pajjiżi terzi.
Brincat sostna li filwaqt li hemm bżonn nistinkaw biex f’Pariġi jkun Summit ta’ suċċess, daqstant ieħor hemm bżonn li naħdmu biex wara l-ftehim li għandu jintlaħaq f'Pariġi, ir-rankatura żżid u mhux tonqos. Sostna wkoll li pajjiżna lest li jingħaqad ma’ Stati Membri oħrajn billi jilqa’ wkoll is-sehem u l-inizjattivi volontarji ta’ protagonisti terzi li mhux bilfors huma pajjiżi (non state actors), billi jinkoraġġihom jersqu aktar ’il quddiem b'ħidmiet immirati lejn il-mitigazzjoni u l-adattazzjoni dwar it-tibdil tal-klima.