Il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel wissiet li hemm bżonn ftehim bejn il-Greċja u l-kredituri tagħha qabel is-summit ta' emerġenza li se jsir nhar it-Tnejn.
Sostniet li jekk ma jsirx hekk, is-summit mhux se jwassal għal deċiżjoni.
Il-Greċja fadalilha inqas minn ġimagħtejn biex tilħaq ftehim, inkella se jkollha tħallas €1.6 biljun f'pagamenti lura lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) liema flus ingħatawlha b'self.
Intant hemm biża' kbira fost il-banek Griegi hekk kif inġibdu aktar minn €4 biljun mill-banek din il-ġimgħa biss. Ilbieraħ il-Bank Ċentrali Ewropew approva aktar fondi ta' emerġenza għall-banek griegi, minkejja li għadu ma sarx uffiċjalment.
Intant ir-Russja qed tgħid li tikkunsidra tagħti self lill-Greċja jekk tiġi bżonnhom. Min-naħa l-oħra, jekk il-Greċja m a tħallasx il-flus lura lill-IMF, jaf ikollha titlaq miż-żona Ewro, u possibilment ukoll mill-UE.