Mijiet jinġabru quddiem il-Parlament kontra l-iżvilupp fiż-Żonqor

Attendew ukoll figuri politiċi, kif ukoll membri minn diversi NGOs u organizzazzjonijiet

Mijiet ta' persuni nġabru quddiem il-Parlament fil-Belt sabiex jipparteċipaw f'protesta organizzata mill-Front Ħarsien ODZ kontra l-iżvilupp ta' universita fiż-Żonqor. Il-protesta, skont l-organizzaturi, hija waħda mhux partiġġana u hija miftuħa għal NGOs u organizzazzjonijiet oħra li jridu lill-gvern li jsegwi l-pjan lokali tal-2006 għan-Nofsinhar ta' Malta.

Skont dan il-pjan, iż-Żonqor kellu jkun park nazzjonali, fejn ma jitħallix isir l-iżvilupp, u fejn l-għixien tal-bdiewa huma mħarsa.

Il-Front twaqqaf ix-xahar li għadda bħala risposta għall-bini propost tal-Università Amerikana ta' Malta fl-istess sit, li se jieħu aktar minn 90,000 metru kwadru ta' art verġni.

Spikkaw fost l-massa numru ta' individwi jġorru kartelluni, uħud anke b'messaġġ dirett, fosthom "issa daqshekk!" u "korruzzjoni u siment, u fottejtu l-ambjent."

Fost dawk li attendew, minbarra NGOs u organizzazzjoniijiet varji, kien hemm ukoll figuri politiċi bħal MP Marlene Farrugia, il-viċi sindku ta' Marsaskala Desiree Attard. Min-naħa tal-PN attendew ukoll l-MP Joe Cassar,  MP Mario Galea, MP Ryan Callus, u l-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Fost dawk li attendew kien hemm ukoll membri mill-Alternattiva Demokatika, fosthom Carmel Cacopardo u Michael Briguglio. 

Waqt il-protesta diversi kelliema wrew id-diżaprovazzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp, fosthom Shaun Grech mill-Front Ħarsien ODZ illi saħaq li l-attendenza kbira tal-protesta tirrifletti r-rabja tal-poplu li "qam" biex jgħidu daqshekk għall-isfreġju "għax l-ODZ hija tagħna lkoll". Fil-fatt l-għajta "tagħna lkoll", sinonima mal-Partit Laburista, dwiet madwar il-pjazza ta' quddiem il-Qorti waqt il-protesta.

F'diskors imqanqal Michael Briguglio sfida lill-Prim Ministru biex jekk vera jemmen fit-trasparenza ma jinjorax lill-eluf li pprotestaw u li "llum qabel għada iwaqqaf il-proposta ta' żvilupp fiż-Żonqor."

More in Politika