Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tar-Refuġjati, huwa xieraq li ħarsitna ddur fuq it-tbatija li jiffaċċjaw miljuni ta’ persuni li minħabba fil-qagħda diżastrusa li jkun hemm f’pajjiżhom, minħabba fil-persekuzzjoni inkluż dik għal raġunijiet reliġjużi, minħabba fl-oppressjoni ta’ fejn hemm forma jew oħra ta’ dittatorjat, u minħabba raġunijiet oħra kellhom iħallu pajjiżhom u jippruvaw b’sogru kbir għal ħajjithom ifittxu kenn x’imkien ieħor. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech fi stqarrija għall-istampa.
Zammit Dimech qal li fil-waqt li wieħed jirrifletti fuq is-sitwazzjoni serja madwar id-dinja kollha, għalina f’Malta ma nistgħux ma niffukawx b’mod partikolari fuq il-qagħda fil-Meditterran li spiċċa ċ-ċimiterju ta’ eluf ta’ persuni li biex jaħarbu l-qagħda f’pajjiżhom, issugraw kollox fi sforz iddisprat li jibdew ħajja aħjar x’imkien ieħor.
Qal ukoll li Malta, fil-limitazzjonijiet tagħha, offriet matul is-snin il-kenn li tista’ toffri fi spirtu ta’ solidarjetà ġenwina ma’ min ikun f’din is-sitwazzjoni. F’dan is-sens jixraq li llum inroddu ħajr lill-membri tal-Forzi Armati, lill-Pulizija, lill-mediċi u paramediċi, lil tant oħrjan li jagħtu bl-akbar dedikazzjoni sehemhom b’impenn ġenwin, kif ukoll lil dawk kollha li b’mod volontarju permezz ta’ diversi NGOs li jeżistu f’Malta biex jaħdmu speċifikament f’dan il-qasam jagħtu ħafna mill-ħin, mill-enerġija u anke riżorsi personali tagħhom biex ikunu ta’ sostenn uman favur ir-refuġjati u jgħinuhom b’mod konkret fil-ħtiġijiet kollha tagħhom.
Semma kif l-aġir ta’ dawn kollha huwa manifestazzjoni konkreta tas-solidarjetà bil-fatti u mhux bil-kliem. Ugwalment wieħed ma jistax f’dan is-sens ma jawgurax li fil-ġranet li ġejjin l-Unjoni Ewropea tagħraf li l-problema tal-immigrazzjoni mhix biss ta’ dawk il-pajjiżi li fihom imorru għall-kenn u l-għajnuna l-immigranti, mhix biss ta’ pajjiżi bħal Malta, l-Italja u l-Ġreċja, imma hi r-responsabbiltà tal-pajjiżi kollha li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea u anke lil hin minnha. Hu għalhekk li llum hu aktar xieraq li nitkellmu mhux biss fuq il-kunċett ta’ solidarjetà imma anke fuq il-kunċett ta’ ko-responsabbilità.
Zammit Dimech temm jgħid li dan ma jistax isir bil-kliem biss, imma jrid jsir bil-fatti u bl-azzjoni konkreta. Għalhekk nawguraw lill-Gvern Malti li filwaqt li jħares l-interess nazzjonali u jindika id-diffikultajiet partikolari tagħna, mhux lanqas minħabba d-daqs ta’ pajjiżna, jaħdem ukoll biex jintlaħaq ftehim fuq l-immigrazzjoni fis-Summit Ewropew li jmiss.