Il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa' l-aktar b'saħħtu miż-żewġ mexxejja politiċi b'sondaġġ li qed ikun ippublikat illum fuq il-ġurnal MaltaToday juri li 13% tal-votanti jafdawh aktar milli jafdaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Dan is-sondaġġ, li sar il-ġimgħa l-oħra fost 500 persuna, jikkonferma xejra li ilha prevalenti minn meta Busuttil inħatar Kap tal-PN. Mistoqsijin lil min jafdaw l-aktar miż-żewġ mexxejja politiċi 38.9% qalu li jafdaw lil Muscat filwaqt li 26.3% qalu li jafdaw lil Busuttil. Kważi 20% ma kienux jafu jirrispondu filwaqt li 14.9% qalu li ma jafdaw lil ħadd minnhom it-tnejn.
Is-sondaġġ juri li l-maġġoranza assoluta jagħtu ċertifikat tajjeb lill-Gvern preżenti fil-qasam ekonomiku. Fil-fatt 52% iġġudikaw lill-Gvern b'mod pożittiv f'dan il-qasam, b'aktar minn kwart tal-votanti (26.3%) li vvutaw PN fl-2013 jgħidu li l-andament ekonomiku huwa wieħed pożittiv.
Minkejja dawn ir-riżultati, li jiġu f'nofs leġiżlatura, s-sondaġġ tal-ġurnal MaltaToday juri li numru ta' nies li vvutaw lill-PL għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni jivvutaw lill-PN kieku kellha ssir elezzjoni llum. Fil-fatt minn din is-sezzjoni ta' votanti, magħrufin bħala 'switchers', 37.5% jivvutaw PL u 33.3% jivvutaw PN, kieku kellha ssir elezzjoni illum.