Il-festa xibka soċjali
Andrew Azzopardi
Missieri mill-Ħamrun u ommi mill-Belt imma meta żżewġu marru joqgħodu Birkirkara.
Ngħid għalija issa ilni ħajti kollha ngħix ġo dan ir-rahal. Madankollu anke jekk xi mawra fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Gejtanu jew ta’ San Duminku ma kinitx tonqos meta konna żgħar, qatt ma konna xi familja li l-festa nidħlulha bir-ras, anzi dejjem konna spettaturi fuq ix-xifer b’ involviment ta’ xejn ħlief li nikkonsmaw xi luminata jew xi birra friska (meta bdejna nitfarfru) mingħand in-nanniet u xi ftit ħelu tipiku ta’ żmien il-festa li missieri u ommi kienu jixtrulna għall-okkażjoni.
Għalkemm dejjem kont naffaxina ruħi bil-ħoss u l-kuluri, bħala tifel qatt ma kont dħalt veru u proprju fil-kultura tal-festa. Dan l-isfond naħseb li għeni biex meta ġejt mitlub minn grupp ta’ żgħażagħ minn ġewwa r-raħal ċkejken imma tant sabiħ tal-Imqabba mis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba, ngħinhom fil-proġett li ħadu b’fondi Ewropej, vera kont entużjast, għax qisni kont dieħel f’dinja oħra.
Dan għalija huwa kruċjali għax ir-rwol tal-akkademiku mhux li joqgħod fil-ħemda tal-uffiċju tiegħu ġewwa l-Univeristà, maqtugħ minn kollox u kulħadd imma postu f’ kuntatt kontinwu mal-għeruq, ma’ dak li qed iseħħ madwarna. Hekk biss nistgħu mmorru lura fil-klassi u ngħallmu u mhux billi ngħaddsu rasna fil-kotba biss.
U allura kull fenomenu jsir important li tistudjah u tixprunah speċjalment jekk xogħli bħala lettur huwa l-aktar involut fl-istudji tax-xjenzi soċjali, jiġifieri kif nistgħu nifhmu d-dinamika li tinħoloq meta n-nies jiġu ma’ xulxin.
F’dan il-proġett, dawn iż-żgħażagħ tal-Imqabba apparti li kkonsultaw permezz ta’ konferenzi u workshops li organizzaw għall-għaqdiet u s-soċjetajiet kollha, kif ukoll għamlu sondaġġ nazzjonali, iddecidew li jagħlqu dan il-proġett bi ktieb akkademiku, l-ewwel tax-xorta tiegħu fuq din l-iskala. Jiġifieri set ta’ studji b’informazzjoni empirika li tkompli tagħti s-saħħa u tagħmel argument fuq l-isfidi li jġib miegħu dan il-fenomenu. Fenomenu li ma tistax tarah u tanalizzah sempliċiment bħala xi ħaġa esterna jew street party imma hija laqgħa ta’ ġgajta ta’ nies li qegħdin jikkonvergu ma’ xulxin, isiru grupp, jixprunaw identità.
Naturalment il-festi jibqgħu fodsqa ta’ ħajja fejn jiħu organizzati ħafna attivitajiet ta’ divertiment, spettaklu tan-nar, programmi tal-banda – insomma attività bla waqfien.
Però dan mhux biss. Bħal f’kull fenomenu fejn il-bniedem jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ nies oħra, il-festa ġġib realtijiet kumplessi ohra, fosthom per eżempju żieda fil-kriminalità, kif joħroġ fil-ktieb ‘Young people and the Festa in Malta’, kriminalità li tlaħħaq persentaġġi kważi d-doppju ta’ dak li jiġri ġewwa Paceville. Dan il-fenomenu huwa marbut mar-realtà ta’ ħafna nies li jissieħbu ma’ xulxin, konsum ta’ alkoħol u dan naturalment iġib u joħloq dawn id-diffikultajiet, dawn l-inkontri u l-iskontri.
Hemm ir-realtà li l-festi saru ukoll spettaklu ghat-turisti, mod kif noholqu turizmu antropologiku, fejn it-turist issir parti mill-komunita’ u ghal ftit jitwahhad mal-ferh taghna, mad-dwejjaq meta xi reddiena ma tahdimx, mal-kultura ta’ ikel, xorb u gestikolazzjonijiet.
Il-festa hija ukoll sfida ambjentali. L-ambjent fil-firxa wiesgħa tiegħu, l-istorbju, l-ħmieġ, l-għajjat, id-dawl, il-petardi, il-fdal kimiku. Insomma sfidi ambjentali kbar li jaraw ir-raħal, speċjalment fiċ-ċentru tiegħu magħluq qisu xi no fly zone, fejn jiddominaw l-arbli li jerfgħu d-dwal, il-bnadar, l-anġli u n-nar tal-art.
Il-kultura ma tonqosx. Żgħażagħ ta’ ħila eċċezzjonali bħall-iskultur Żebbuġi Indri Attard jew in-neputi restawratur Luca Gatt jafu l-għeruq u l-passjoni tagħhom minn ġol-każini, ġol-kantini tal-knejjes u minflok dan il-faxxinu waqa’ fuq fommu, studjawh u llum bis-saħħa tas-soċjetajiet li kienu msieħba magħhom qed jagħtuna sens ta’ soljev li din l-arti sagra, din is-sengħa u dan it-talent ha jibqa’ jifjorixxi. U bħalhom hemm ħafna li qed jitrawmu fin-nurseries jew il-ġuf tal-kultura magħrufa bħala l-każini u għalhekk huwa dmir li għandu l-Isat u l-poplu li jagħti spazju, inċentivi u għajnuniet biex dan il-ġid isib fejn jimraħ.
Forsi l-Knisja għandha bżonn tagħmel ftit dixxerniment għax jidher li għadha ma ddeċidietx tkunx parti jew le mill-festa ta’ barra. Issib Kappillani u Arciprieti li jifhmu l-valur t’evangelizzazzjoni, ta’ sens ta’ komunità bażika jekk joħolqu pontijiet. Oħrajn le. Oħrajn jaħsbu li l-Knisja il-proprjetà tagħhom u xogħol huwa li jqaddsu u jittallbu għal flus u daqshekk.
Però fil-fehma tiegħi dimensjoni li rrealizzajt f’dan l-istudju hi li il-festa hija marbuta mal-welfare.
Ha nispjega. Mela kif nafu l-pajjiz taghna ghandu sistema jew ahjar xibka ta’ welfare li twiezen lil min ikun ghaddej minn xi saram. Tant hu hekk li mhux l-ewwel darba li nghidu li pajjizna kwazi generuz wisq bil-benficccji socjali.
Għalija l-festa hija xibka oħra imma din id-darba fuq livell ta’ komunità. Għax il-festa ma tibqax spettaklu, teatru, imma ssir esperjenza, issir vjaħħ għal min jissieħeb magħha. F’parti mill-istudju fil-fatt ġie indikat li min jinvolvi u jipparteċipa fil-festa jkollu kwalità aktar għolja ta’ ħajja.
Stajna naraw din il-kolleġjalità, per eżempju fi traġedja li laqtet ir-raħal ta’ Ħal Kirkop fejn iż-żgħażugħ Matthew Bartolo, għalkemm miet fuq il-post tax-xogħol, sab komunità sħiħa, s-soċjetajiet u l-organizzazzjoni tal-festa li tbiddlu f’xibka t’appoġġ madwar il-familja.
Din mhix l-ewwel darba li saret, anzi saret diversi drabi u f’diversi okkażjonijiet. Għax il-festa mhux xi party kbir li jseħħ darba f’sena imma l-milja tal-attività tkun matul dik il-ġimgħa. L-iskuża, biex ngħid hekk, huwa l-Patrun jew il-Patruna imma fil-kumplament tas-sena tkun qed tinbena l-komunità bi ħsieb li jgħaqqdu l-elementi kollha flimkien, il-profan mas-sagru, it-talb mal-kant, il-briju mal-emozzjoni, il-pika mal-kolleġjalità.
Xi ġmiel ta’ fenomenu. U filwaqt li jien dejjem nibqa’ spettatur u dejjem inħossni barra minn dan il-kuntest, xorta waħda napprezza li fis-socjetà tagħna għandna x-xorti li għandna xibka oħra li tweżinna jekk jiġrilna xi ħaġa u għalhekk għandna dmir nipproteġu dan il-wirt.
Dan id-demm ibabaq, din il-passjoni, din l-enerġija li tiġi ġġenerata mill-festa jwassluna biex ikollna komunitajiet aħjar.
Andrew Azzopardi huwa Senior Lecturer fl-Universita ta’ Malta u xandar tal-programm Għandi xi Ngħid fuq Radju Malta