Is-sikrana
Toni Abela
Naħseb li mill-kontroversji kollha li kien hawn dawn l-aħħar sentejn dwar deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern, l-aktar tnejn li kellhom effett fuq l-opinjoni pubblika huma l-binja tal-Università fiż-Żonqor, u dik li issa saret magħrufa bħala ta’ Gaffarena. Hemm spjegazzjoni għalfejn qiegħed jiġri dan kollu.
Kull darba li l-Partit Nazzjonalista prova jiggranfa ma’ xi ħaġa biex isib l-appoġġ tan-nies f’xi kwistjoni, qatt ma qabad art. Jekk kien l-investiment b’ċittadinanza n-nies kienu mal-Gvern. Kienu jafu li dan kien programm, kif dalwaqt kulħadd ikun jaf, li ser iġib lejn Malta l-aqwa fost l-aqwa ta’ nies li hawn fid-dinja. In-nies lemħu fil-kritika infantili tal-Oppożizzjoni, għodda biex ifixklu investimenti kbar lejn pajjiżna. Issa mhux biss m’għandhomx jikkritikaw dan il-programm, talli wħud minn fosthom qegħdin isiru sinjuri bis-saħħa tiegħu.
Jekk kien il-programm tal-enerġija, għal darb’oħra n-nies ma mhumiex magħhom. Illum n-nies qegħdin jaraw f’dan il-programm is-salvazzjoni ta’ dak li jistgħu jwarrbu u jġemmgħu. Għalkemm għadhom sa issa għaddejjin bl-attakki dwar garanziji u xiri ta’ żejt bl-irħis, fuq dan is-suġġett ma jistgħux jirfdu, għaliex dak li raw in-nies f’dan il-qasam qatt ma setgħu jarawh kieku baqa’ hemm Gvern Nazzjonalista.
Izda fil-każ tal-Università fiż-Żonqor, taqbel jew ma taqbilx magħha u dik ta’ Gaffarena, l-opinjoni hija daqsxejn differenti. Dak li sar, sar b’mod pubbliku u mhux bil-moħbi. Iżda fin-nofs hemm żewġ argumenti li bħal donnhom jolqtu il-qalba tal-psike ta’ kif jaħsbu n-nies. Fl-ewwel waħda hemm il-kwistjoni tal-ambjent, li tidher li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed tikber il-kuxjenza ambjentali. F’dik ta’ Gaffarena hemm oħrajn li fiha raw l-possibbilità li jitħallsu wara snin twal jistennew biex jieħdu dak li jistħoqqilhom meta kellhom propjetà li kienet ġiet esproprjata, b’uħud wara l-gwerra.
Kultant kull deni ħudu b’ġid. Kultant dawn ix-xorta ta’ kontroversji jaċċentwaw il-ħtieġa ta’ bidliet fi prattiċi li sa ftit żmien ilu kont taħseb li ma stajt tagħmel xejn dwarhom. Sa ftit ilu li tibni f’ODZ qisu ma kien xejn. Inbnew supermarkets kbar f’artijiet ODZ u ħadd ma kien jgħid xejn. Sa ftit ilu li taqta’ qalbek li xi darba ser titħallas ta’ propjetà mingħand il-Gvern, propjetà li kienu ħaduha lil nannuk, kienet xi ħaġa komuni. Iżda issa b’din ta’ Gaffarena l-affarijiet iridu jinbidlu.
Iżda l-aktar ħaġa li ddejjaqni hija l-lobgħa li jiena insejħilha tas-sikrana, li jilagħbu tant tajjeb il-politiċi Nazzjonalisti. Kulħadd nesa li fil-bidu li tħabbar il-proġett tal-Università Tal-Qroqq, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ favur. Antiċipa bil-kuntrarju ta’ dak li ħaseb ser tkun ir-reazzjoni tan-nies. Ħaseb li l-opinjoni pubblika, kontra ta’ dak li tassew iridu n-nies, ser tkun favur. Meta lemaħ li ħafna għaqdiet ambjentali ma jaqblux mal-proġett kif propost, biddlu malajr il-kulur.
Jiena konvint li ħafna minn dawk li qed jipprotestaw għandhom skopjiet ġenwini u li tassew għandhom għal qalbhom l-ambjent. Fi ftit kliem nemmen tassew li huma il-qamħ. Iżda ma nemmen assolutament xejn li l-mexxejja Nazzjonalisti nbiddlu, u ma nistax nagħmel bħal James Debono u nagħtihom il-benefiċċju tad-dubbju.
Il-benefiċċju tad-dubbju ma jistax jingħata lil min digà kellu joqgħod għall-verdett.Ma nistax nagħti l-benefiċċju tad-dubbju lil min metaforikament, fejn jidħol il-qasam tal-ambjent, huwa aktar minn reċediv. Jekk min hu ġenwin huwa il-qamħa, ħafna mill-mexxejja Nazzjonalisti huma s-sikrana. Isibuha komdi jitħalltu mal-ġenwini biex jinħbew taħt il-lewn qamħi tal-onestà.
Dan ħareġ anke mill-mod kif ġab ruħu Simon Busuttil. Meta Marlene Farrugia talbitu jagħti garanzija li jekk ikun Prim Ministru ma jħallix aktar żvillupp f’artijiet ODZ, waqt li kien qiegħed jitkellem qalb il-ħitan tas-sejjiegħ ,li hemm fiż-Żonqor, ma smajtux jagħti din il-garanzija. Lanqas ma taha meta talabhilu Michael Briguglio. Ħadd minn dawk li talabhilu ma staqsih għaliex qiegħed joqgħod lura milli jagħtiha. Jiena nagħtihom garanzija ċerta....li din il-garanzija ċertament mhux ser jagħtiha.
Laqatni mument partikolari waqt il-protesta taż–Żonqor meta Simon Busuttil, biex jipprova jaħsel lil dawk ta’ qabel u li hu kien qribhom, għamel ammissjoni. Qal li anke l-Partit Nazzjonalista għamel żbalji fil-qasam ambjentali. Apparti li ma kienx hemm bżonn din il-konferma, xtaqtu jsemmi każijiet speċifiċi fejn żbaljaw. Bqajt skantat kif ħadd mill-istampa ma qabad kif suppost din id-dikjarazzjoni u staqsih biex issemmi x’kienu dawn l-iżbalji. Is-soltu l-ħabib tiegħi James ma jaħrablu xejn minn dan kollu, iżda jista’ jkun li f’dak il-ħin kien qiegħed jagħtih il-benefiċċju tad-dubbju.
Storja antika din tas-sikrana. Meta fis-sittinijiet il-Knisja riedet tkisser lill-Partiti l-kbar, fosthom anke lill-PN, bil-ħolqien tal-partiti iż-żgħar, Gorg Borg Olivier intebaħ b’dan il-pjan. Għamel dak li dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista - fejn qabillu staħba qalb in-nies, bħas-sikrana mar għad-dell tal-qamħa. Kontra kull xewqa tal-Knisja rikeb fuq il-karru tagħha u kulħadd ħaseb li Gonzi ried lil Gorg, meta l-pjan ma kienx dak. Il-makakkerija tas-sikrana!
Dan huwa l-istess mudell li qed naraw illum. Flok kwistjoni tal-Knisja għandna dik tal-ambjent. Waħdu l-Partit Nazzjonalista ma jistax jiġġieled favur l-ambjent, għaliex m’għandux la l-kredenzjali, u lanqas il-kredibilità. Fil-fatt fil-programm Xarabank, Marlene Farrugia tfiet għal kollox lil Marthese Portelli, li l-aktar ħaġa tajba li għamlet kienet li qagħdet lura. Biex ikunu effettivi jridu jinħbew qalb l-onesti, bħalma s-sikrana tinħeba f’għalqa qamħ!