"Kull sold li tajna rriduh lura"
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jsejjaħ uħud mill-proposti Griegi mressqin ilbieraħ bħala "ġenn"
More in Politika
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jsejjaħ uħud mill-proposti Griegi mressqin ilbieraħ bħala "ġenn"
Meta kien qed jitkellem fil-programm S41 fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li Malta lesta li taċċetta li l-ħlas lura li l-Greċja għandha tagħti jieħu aktar tul, fost konċessjonijiet oħrajn, imma sostna wkoll li "kull sold li tajna rriduh lura". Huwa fakkar, kif diġa kien għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat, li Malta huwa l-aktar pajjiż espost għad-dejn Grieg minħabba li sellef 'l fuq minn 3% tal-Prodott Domestiku Gross.
Huwa sejjaħ il-proposti mressqin mill-Greċja bħala "ġenn" speċjalment minħabba li taxxi fuq in-negozji jew fuq dawk li jivvjaġġaw se jkomplu joħonqu l-ekonomija diġa batuta ħafna tal-pajjiż. "Kieku jsegwu lil Malta u dak li għamilna aħna biex qed inġibu r-riżultati ekonomiċi l-Greċja tmur 'l quddiem" qal Scicluna li saħaq dwar il-bżonn li l-Gvern Grieg jmur lura mill-mandat tiegħu fid-dawl tal-falliment li qed tiffaċċja l-Greċja.
Fil-fatt apparti l-problema finanzjarja, Scicluna fakkar kif hemm problemi politiċi wkoll, fejn il-Gvern Grieg, li għadu kif kien elett, kien iddikjara li mhux se jaċċetta l-miżuri imposti fuqu. Huwa sostna li l-UE qed tfittex dak li huwa ta' ġid għall-Greċja imma fl-ambitu tar-regoli tagħha "li jgħoddu għal kulħadd kif kienu jgħoddu għalina meta żdied id-defiċit."