Ilbieraħ qam battibekk Parlamentari li wassal għall-botta Prim Ministerjali u risposta mill-Membru Parlamentari Claudette Buttigieg. Il-kwistjoni kollha qamet hekk kif Buttigieg staqsiet lill-Ministru Konrad Mizzi għaliex ma mexiex ma' martu, Sai Mizzi, l-istess bħal ma mexa ma' eks-Spettur tal-Pulizija li kellu l-konsulenza tiegħu minn mal-Enemalta mwaqqfa'.
Immedjata kienet ir-risposta, imma mhux mingħand Mizzi. Minflok intervjena l-Prim Ministru Joseph Muscat li filwaqt li qal li Buttigieg "se tkun taf bil-ħidma ta' Sai fiż-żmien li ġej" fakkarha kif hi kienet qed tieħu l-istess ammont li taqla' Sai Mizzi, jiġifieri €13,000 fix-xahar, mill-istazzjon ONE wara li l-kumpanija tagħha kienet falliet.
Ir-risposta għall-botta ta' Muscat waslet minn Buttigieg fuq Facebook illi ċaħdet illi qatt qalgħet €13,000 fix-xahar u li sostniet li kuntrarjament għal Sai Mizzi in-nies setgħu jarawha fuq it-TV. Hija qalet ukoll li l-flus li għamlet kienu minn negozju mhux minn fondi pubbliċi. Meta l-ILLUM ċempel lil Buttigieg hija sostniet li ma kellhiex xi żżid mill-kummenti tagħha fuq Facebook.