[Aġġornat] Ir-rapport tal-IDPC wasal għall-konklużjonijiet mingħajr ma kellu provi

Id-Direttur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit ma ssejħux biex jagħtu kummenti fl- inkjesta dwar il-fajl tal-Ispettur Taliana

Jason Azzopardi jitkellem waqt konferenza li għaliha kien preżenti d-Direttur Maniġerjali tal-MaltaToday
Jason Azzopardi jitkellem waqt konferenza li għaliha kien preżenti d-Direttur Maniġerjali tal-MaltaToday

L-inkjesta mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data (IDPC) waslet għall-konklużjoni indiretta li kien l-eks-Kummissarju Peter Paul Zammit li għadda l-fajl personali tal-Ispettur Elton Taliana lill-ġurnal Maltatoday, meta m'hemmx provi ta' dan fl-istess inkjesta. Dan qalu d-direttur Maniġerjali tal-Malta Today Saviour Balzan f'intervent li għamel waqt konferenza organizzata mill-Partit Nazzjonalista u indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi.

L-IDPC wasal għall-konklużjoni li minħabba li Zammit kien talab il-fajl ta' Taliana fil-perjodu ta' bejn Lulju u Awwissu 2013 u dan ma kienx irritornat lura lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani qabel ma rreżenja l-istess Zammit kien ifisser li d-dokumenti li pproduċa Balzan f'każ ta' libell li l-istess Taliana fetaħ kontra l-ġurnal MaltaToday kienu l-oriġinali u għalhekk mgħoddijin minn Zammit.

"L-IDPC ma talab l-ebda kumment la mingħandi u lanqas minn Zammit, li allura jitfa' dell fuq kif ġiet miġbura l-evidenza, purament fuq konġettura" sostna Balzan, li staqsa lil Azzopardi kif jispjega l-fatt li Taliana kien ingħata promozzjoni mill-eks-Ministru Tonio Borg. Dakinhar Taliana kien tela' għall-Spettur mill-pożizzjoni li kellu bħala Surġent ftit biss wara l-elezzjoni tal-2008, kien ukoll responsabbli mis-Sigurta' tal-istess Ministru Borg u fl-istess ħin kienu għaddejjin investigazzjonijiet interni dwaru. 

L-IDPC ma talab l-ebda kumment la mingħandi u lanqas minn Zammit, li allura jitfa' dell fuq kif ġiet miġbura l-evidenza, Saviour Balzan

F'dan il-każ u fil-Qorti Balzan esebixxa dokumenti interni tal-Pulizija li juru kif Taliana kellu diversi rabtiet mill-qrib ma' kriminali notorji. Nota li esebixxa fil-Qorti kienet turi wkoll kif Taliana kien jaħdem ukoll bħala bouncer, imdaħħal fl-importazzjoni tal-armi u kien parti minn grupp li wettaq ħruq fuq bieb ta' residenza. Lura f'Marzu ta' din is-sena Balzan kien esebixxa wkoll ritratti li juru lil Taliana fil-kumpanija ta' kriminali, li uħud minnhom kienu l-Ħabs fuq każi ta' drogi u serq.

PL: Opportuniżmu fjakk

Intant fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista intqal li l-Istess nies li għamlu festa minn leakages serji minn telefonati mill-Operations room tal-Pulizija u sejħulhom bħala xi "kisba ġurnalistika" issa qed jitkażaw għax ġurnalist irnexxilu jikseb informazzjoni minn file tal-Pulizija.Il-PL qal illi dan huwa "veru każ ta’  opportuniżmu fjakk".

 

 

More in Politika