Mistoqsi mill-MaltaToday jekk huwiex iċ-Chief of Staff tal-Ministru Helena Dalli, l-eks Manager tal-Union Print Ronnie Pellegrini wieġeb li mhuwiex u li hu biss parti mis-segretarjat fil-Ministeru.
Jidher li mpjegati fil-Ministeru qalu li l-impressjoni li qed tingħata hi li Pellegrini hu fil-fatt iċ-Chief of Staff iżda ismu tneħħa minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru wara li għal xi ħin kien tniżżel li Pellegrini fil-fatt kellu l-kariga msemmija. Jidher ukoll li kien hemm xi diżgwid dwar il-ħatra tiegħu inkluż protesti minn naħa tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Anke l-Ministru Dalli stess ċaħdet li Pellegrini kien ingħata l-kariga ta’ Chief of Staff u saħqet li kien qed jokkupa biss kariga fis-segretarjat tagħha.