Kont bassart li se jkollna problemi kbar - Alfred Sant
Alfred Sant kien ippreveda x’jista’ jiġri lil Malta meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li jislef il-flus lil Greċja
More in Politika
Alfred Sant kien ippreveda x’jista’ jiġri lil Malta meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li jislef il-flus lil Greċja
L-eks Prim Ministru, il-Membru Parlamentari Ewropew, Alfred Sant kien ippreveda x’jista’ jiġri lil Malta meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li jislef il-flus lil Greċja. “Meta l-Gvern Malti kien approva s-self lill-Greċja jien kont għamiltha ċara fil-Parlament Malti li pajjiżna se jkollu problemi kbar biex nieħdu flusna lura. Il-fatti li qegħdin ngħixu llum, juru li ma kontx ħafna ’l bogħod minn dawk li rajt li se jseħħ meta l-Gvern Malti kien silef il-flus lill-Greċja.”
Dan qalu lill-ILLUM meta ntalab jgħaddi l-kummenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-Greċja u x’jista’ jiġri lil Malta jekk din tiddeċiedi li toħroġ miż-żona Ewro. “Jekk isir dan mhux biss aħna bħala poplu nitilfu l-flus kollha li slifna lill-Griegi, imma l-pajjiżi kollha li kienu silfuha l-flus. Irridu niftakru li Malta hija l-aktar pajjiż li b’mod dirett u b’mod indiret silfet flus lill-Greċja per capita. ”
U dan allura jfisser li Malta tkun l-aktar pajjiż li tkun tilfet flus meta mqabbla per capita ma’ pajjiżi oħra.
“Dwar il-kwistjoni tal-Greċja, l-ewwelnett irridu naraw kemm id-diskussjonijiet se jwasslu sal-aħħar peress li għadhom qed jiġu diskussi kwistjonijiet tekniċi f’kundizzjonijiet diffiċli. Ma naħsibx li d-diskussjonijiet li għaddejjin se jwasslu għal soluzzjoni dejjiema. Bħalissa l-Grecja qed iġġorr wisq piżijiet ta’ djun, u bħalissa l-ekonomija tagħha tinsab mgħattna. Ma narax li hija fattibbli li bħalissa l-Greċja tista’ tiġġenera biżżejjed ġid ħalli tkun tista’ tħallas dawn id-djun fi żmien relattivament qasir. Dan wassal biex il-problema qed tiġi imbuttata ’l quddiem minn sena għal sena bit-tama li tinsab soluzzjoni dejjiema.”
Alfred Sant kompla jgħid li jekk il-Greċja toħroġ miż-żona ewro, tkun tista’ terġa’ tibda mill-bidu, eżatt kif kienet għamlet l-Iżlanda. “Iżda din mhix l-aħjar soluzzjoni politika għaż-żona ewro. Iż-żona ewro ma tistax taċċetta li xi pajjiż joħroġ miż-żona ewro. Din tkun soluzzjoni diffiċli wkoll għall-Greċja. Fl-istess waqt il-maġġoranza tal-Griegi jridu jibqgħu fiż-żona ewro. Hemm żewġ toroq - jew li l-Greċja tikkollassa u jkollha toħroġ miż-żona ewro, jew li jkollna ‘more of the same’ fiż-żmien li ġej li forsi mhix daqstant ħażina bħala soluzzjoni.”