Fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu Daboma Jack li lbieraħ spiċċa vittma ta' attakk razzista minn mara Maltija ħalla kumment dwar dak li ġralu f'pajjiżna u qal "ħallu lid-dmugħ jitkellem għalija" u "isimgħu l-bikja tiegħi".
Dan qalu hekk kif l-istess persuna spiċċa attakkat minn mara li bdiet tgħidlu biex imur lura pajjiżu, li beżqitlu u bdiet ixxejjer idejha quddiemu. Imbagħad, bħallikieku ma kienx biżżejjed, il-Pulizija ħasbu li kien hu li qala' l-inkwiet, niżluh mal-art u mmanettjawh għaċ-ċapċip ta' xi nies li kienu fuq il-post. Wara l-Pulizija talbuh skuża hekk kif saru jafu li ma kienx hu li qala' l-inkwiet.
Minn dak il-ħin ħarġu bosta messaġġi ta' appoġġ minn Maltin kif ukoll minn bosta ħbieb tiegħu. Messaġġ partikolari jifraħlu talli wera' l-kuraġġ meħtieġ u għalkemm l-persuna wriet id-diżappunt li l-inċident kellu jseħħ quddiem uliedu qaltlu li hija ċerta illi uliedi se jkunu kburin bih.