Alfred Sant ukoll ivvota favur it-TTIP

‘IL-KUMPANIJI MULTINAZZJONALI FUQ IŻ-ŻEWĠ NAĦAT TAL-ATLANTIKU L-AKTAR LI SE JIBBENEFIKAW MIT-TTIP’

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista Maltija fil-Parlament Ewropew qal li x’aktarx l-aktar li se jgawdu mill-ftehim ta’ Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti se jkunu l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Dr  Alfred Sant qal dan waqt riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar id-diskussjonijiet li għaddejjin bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it -Transatlantic Trade and Investment Partnership (TTIP). Dr. Sant qal li vvota favur din ir-riżoluzzjoni fuq il-fehma li se jittieħdu l-miżuri li jiżguraw li dan il-ftehim ma jkomplix iżid id-diverġenzi ekonomiċi li diġa’ jeżistu bejn reġuni differenti fi ħdan l-UE u ż-żona ewro. Dr. Sant qal li jekk il-ftehim ta’ kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-UE se jnaqqar il-kompetittivita’ tal-intrapriżi żgħar u medji ewropej, id-diverġenzi ekonomiċi li diġa’ jeżistu se jkomplu jikbru. ‘Stqarrijiet favur dan il-ftehim ta’ kummurċ jgħidu li l-ftehim se jwassal għal aktar opportunitajiet ta’ kummerċ għall-intrapriżi żgħar u medji. Dawn l-argumenti ma tantx huma bbażati fuq evidenza soda,’ innota Dr Sant.

Dr Sant saħaq dwar l-importanza li n-negozjaturi Ewropej jiżguraw li taħt ir-regoli tal-ftehim ta’ kummerċ, l-investituri privati ma jkollhomx aċċess għall-arbitraġġ u deċiżjonijiet legali li jevitaw il-ġurriżdizzjonijiet legali ewropej.  Huwa qal li jrid ikun żgurat li r-regoli ma jkollhomx il-poter li jagħmlu l-oppost ta’ dak li jkunu ddeċidew il-gvernijiet, skont il-politika nazzjonali tagħhom u fl-interess nazzjonali ta’ pajjiżhom. ‘Il-vot tiegħi favur huwa kkundizzjonat ukoll mit-twemmin li dan il-punt qiegħed fil-mandat ta’ dak li qed ikun negozjat fil-ftehim ta’ kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti.’ Qal Dr Sant.

 

More in Politika