Tal-Monti: Il-Gvern ‘daħaq bina u ngannana’

Bejjiegħa tal-monti jgħidu li l-Gvern daħaq bihom wara d-deċiżjoni sabiex il-monti jiġi rilokat fit-tieni parti biss ta' Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta

F’ kummenti esklussivi mal-ILLUM ftit sigħat biss wara li ħarġet l-aħbar li l-gvern mhux se jirriloka l-monti ħdejn il-parlament, kif kien wiegħed li se jagħmel qabel l-elezzjoni, numru bejjiegħa tal-monti esprimew ir-rabja u s-sens qawwi tad-diżappunt  tagħhom.

Illum, il-ministru tal-ekonomija Chris Cardona ħabbar kif, kuntrarjament għall-wegħda elettorali, l-bejjiegħa tal-monti mhux se jiġu rilokati ħdejn il-parlament il-ġdid, iżda għat-tieni parti biss ta’ Triq Ordinanza. Il-Ministru Cardona qal ukoll li huwa impossibli li l-bejjiegħa tal-monti joqgħodu kollha f’ parti daqshekk żgħira, u li għalhekk bejn għaxra u 15 il-bejjiegħa se jiġu mitluba sabiex iċedu l-liċenzja tagħhom u li dawn tal-aħħar jingħataw kumpens finanzjarju.

Madankollu, membri fi ħdan il-Kumitat tal-Monti qalu li minkejja li dawn il-proposti se jinfluwenzahom b’ mod dirett, ma kinux ikkonsultati jew imqar mgħarrfa b’ dan.

Iktar u iktar, bejjiegħa tal-monti li ġew mistoqsija għall-kumment sostnew li din l-omertà tal-gvern ħallithom fil-għama u li għaldaqstant ma setgħux jagħtu kumment. Oħrajn qalu li ma xtaqux jidhru fil-filmat.

Madankollu, bejjiegħa tal-monti li tkellmu mal-ILLUM kienu voċiferi fir-rabja tagħhom. Huma sostnew li t-tieni parti ta’ Triq Ordinanza hija biss “għar-rimi” u li għaldaqstant, il-monti se jmur lura minflok ma jmur ‘il quddiem.

“Kulħadd maħruq, kulħadd dahaq bina. Ahna se mmorru għall-agħar u mhux għall-aħjar. Minflok il-gvern qed jgħina, tegħfana minn ġot-taġen għal ġon-nar,” sostniet bejjiegħa tal-monti.

Bejjiegħa tal-monti jagħtu reazzjoni għar-rilokazzjoni tal-monti • Filmat: Ray Attard

Huma sostnew li qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu tal-2013, l-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż–żmien kienet wegħdithom li l-monti se jiġi rilokat maż-żewġ naħat ta’ Triq Ordinanza, u li l-gvern kien “preparat li jilqa’ kull kritika.”

“Meta konna qed naslu sabiex nilħqu ftehim mal-prim ministru u dan qal li ma jsibx problema,” tenna jgħid Julian Buhagiar, membru fi ħdan il-kumitat tal-monti. Bejjiegħa oħra spjeaw kif illum huma “diżgustati” u li qed iħossuhom “ingannati” għall-atteġġjament tal-gvern.

“Suppost ilna li ġejna rilokati sena u nofs iżda aħna bqajna kwieti, u ma qlajniex kwistjoni. U issa minflok ma niġu rilokati, il-gvern qed jgħidilna li ħa nkunu fuq naħa waħda. Dan ingann, aħna mhux hekk ftehma,” sostna bejjiegħ li tkellem ma’ dan il-ġurnal.

“Għadna ma nafux x’ se jiġri, ma ġejniex ikkonsultati b’ xejn. Se nitolbu laqgħa mal-ministru ħa naraw għalxiex ħareġ il-proposta mingħajr ebda konsultazzjoni magħna,” qal Roderick Mangion, membru fi ħdan il-kumitat tal-monti.

Mistoqsija jekk humiex lesti li jċedu l-liċenzja tagħhom, il-bejjiegħa qalu li din il-proposta tagħmel sens biss għal min hu anzjan. Saħansitra huma qalu li bejn “erba’ u ħames persuni” biss huma lesti li jċedu l-liċenzja tagħhom, hekk kif il-maġġoranza tal-bejjiegħa għadhom żgħar. Mistoqsija jekk humiex lesti li jaċċettaw posti (stalls) iżgħar sabiex ikun hemm biżżejjed spazju għall-bejjiegħa l-oħrajn, persuni li tkellmu mal-ILLUM qalu li dan ma jkunx biżżejjed biex ilaħħqu mal-ispejjeż.

Intant, f’ email li kien intbagħat minn Jason Azzopardi lis-segretarju ġenerali tal-partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier dakinhar tal-elezzjoni ġenerali fid- 9 ta’ Marzu 2013, kien intqal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur r-rilokazzjoni tal-monti ħdejn il-parlament. Minkejja dan, aktar kmieni din is-sena, l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien insista li l-partit kien kontra l-proposta. Huwa saħansitra akkuża lil Joseph Muscat li biegħ ruħu għall-voti u li r-rilokazzjoni tal-monti kien insult għall-kultura.

More in Politika