"Il-Ftehim mal-Greċja se jerġa jfalli" - Alfred Sant

Jgħid lil parlament Ewropew li l-ftehim ma jistax jaħdem għax ekonomikament, teknikament u amministrattivament se jagħmel l-affarijiet agħar

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew fi Brussell qal li l-ftehim mal-Greċja se jerġa’ jfalli. Il-ftehim ma jistax jaħdem għax ekonomikament, teknikament u amministrattivament se jagħmel l-affarijiet agħar. Dr Alfred Sant qal li ħafna analisti finanzjarji huma ta’ din il-fehma, fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali. Dr. Sant semma kif l-Ewropej qalu li l-problema mal-Greċja kienet li din tilfet il-fiduċja tagħhom, imma issa huma tilfu l-fiduċja ta’ ħaddieħor għax sfurzaw ftehim fuq il-poplu Grieg li anke l-Fond Monetarju qed jgħid li mhux se jaħdem. Dr Sant kien qed jindirizza l-Kumitat tal-Ekonomija u l-Affarijiet Monetarji waqt dibattitu ma’ Pierre Gramegna, il-Ministru tal-Finanzi tal-Lussemburgu u l-President tal-ECOFIN taħt il-Presidenza tal-Lussemburgu.

Dr Sant qal li politikament il-ftehim mal-Greċja jista’ jitqabbel mal-ftehim tal-Gwerra Ewropea-Ċiniża magħrufa bħala ‘Opium War’. Minkejja dan kollu,  il-ftehim qed jaqblu miegħu u qed jiġi sfurzat mill-pajjiżi Ewropej imsieħba tal-Greċja fuq l-istess poplu Grieg.

Dr Sant qal lil Gramegna li l-Gvern Grieg wettaq żbalji strateġiċi kbar fin-negozjati tiegħu. ‘Imma ma taħsibx li issa l-problema ta’ għandniex nafdaw daret minn fuq il-Greċja u marret fuq l-imsieħba?  L-imsieħba Ewropej tal-Greċja fehmu l-implikazzjonijiet ekonomiċi ta’ dak li qed jimponu. Jekk mhux qed jifhmu, ma nistgħux nafdawhom. Jekk qed jifhmu, għaliex imponewhom meta politikament jafu li mhux se jirnexxu?’ staqsa Dr Sant.

F’dan il-kuntest, Dr Sant staqsa lil Gramegna hux se jipproponi xi inizjattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u lil hinn minnha, biex tagħmel tajjeb għall-iżbalji u l-instabilitajiet li se jqumu madwar it-‘timbru’ tal-ewro.

F’reazzjoni għall-kummenti ta’ Dr Sant, Pierre Gramegna qal li l-kwistjoni tal-fiduċja hija kruċjali fil-kwistjoni tal-Greċja. ‘Kif tista’ turi b’mod aħjar li tafda jekk mhux b’estenzjoni ta’ €80 biljun ewro f’self lil pajjiż li diġa` ssellef €240 biljun? Irid ikollok immaġinazzjoni kbira biex tgħid li hemm nuqqas ta’ fiduċja f’min qed jislef il-flus.’ qal Gramegna.

‘Urini fejn fl-istorja, pajjiż bħat-tmintax-il pajjiż hawnhekk, sellfu daqshekk flus lil pajjiż li għandu l-problemi finanzjarji. Qbilna lkoll li l-gvernijiet passati u preżenti tal-Greċja ma rnexxilhomx iwettqu u jimplimentaw il-programm maqbul għalhekk l-affarijiet ma ħadmux. Jekk għandek is-solidarjeta` u terġa’ ssellef daqshekk flus u taf li se jkun hemm ristrutturar għad-dejn – li jkollok il-kuraġġ li terġa’ tagħti it-tielet pakkett ta’ €85 biljun, dan għalija huwa sinjal li qed nafdaw lil xulxin.’ qal Pierre Gramegna.

Segwi l-kummenti ta’ Alfred Sant u Pierre Gramegna fuq din il-ħolqa:

https://www.youtube.com/watch?v=SFBEbiisbCw

More in Politika