Proġett li jkopri 72 triq rurali ... mijiet ta' bdiewa jgawdu

Il-Gvern jgħid li l-PN qed jipprova jqarraq meta jagħti l-impressjoni li saret triq waħda biex taġevola lil Gaffarena


Ix-xogħol li sar fi Triq Għar Ram f’Ħal Qormi huwa parti minn proġett akbar li qed isir b’fondi Ewropej u li permezz tiegħu, qegħdin igawdu mijiet ta’ bdiewa Maltin u Għawdxin f’diversi lokalitajiet. Fit-triq imsemmija se jgawdu xejn inqas minn ħdax-il biċċa art differenti maħduma minn bdiewa.

Huwa għalhekk ċar li l-Partit Nazzjonalista jrid iqarraq billi qiegħed jipprova jagħti l-impressjoni li qisu saret triq waħda meta fil-fatt il-proġett huwa ħafna akbar u mifrux ma’ Malta kollha fuq medda ta’ 72 triq rurali.

Huwa wkoll mill-aktar irresponsabbli li jipprova jintefa’ xi dell fuq proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej meta l-proġett ikun għadda minn diversi skrutinji. Fil-fatt, lista sħiħa ta’ toroq li se jsiru b’dan il-proġett tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tal-Parlament f’Ġunju li għadda.

Il-proġett Rural Development Programme 2007 - 2013, huwa proġett iffinanzjat mill-European Agricultural Fund u jinvolvi l-kisi mill-ġdid ta’ toroq rurali li kienu identifikati wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mill-kunsilli lokali fis-sena 2013.

B’kollox ġew sottomessi madwar 180 applikazzjoni biex isiru dawn it-toroq rurali, li minnhom ikkwalifikaw 149, peress li biex tikkwalifika, it-triq ma kellhiex tkun fl-iskema ta’  żvilupp u tkun tintuża minn bdiewa u raħħala.

F’Settembru tal-2014, Transport Malta ressqet dawn it-talbiet quddiem l awtorità maniġerjali għall-fondi Ewropej biex dawn jiġu evalwati u approvati mill-Project Selection Committee, li huwa kumitat indipendenti.

Triq Għar Ram u Sqaq it-Tiġieġ, flimkien ma’ diversi toroq oħra, ntagħżlu wara proċess rigoruż f’Ottubru tal-2014. It-triq imsemmija, bħal kull triq oħra magħżula, tintuża minn numru ta’ bdiewa li jaħdmu l-għelieqi fl-inħawi.

Għandu jkun ukoll elenkat il-fatt li bħala parti mill-istess proġett, ser issir dalwaqt ukoll il-biċċa l-oħra ta’ Triq għar-Ram li tiġi fil-konfini ta’ Ħal Qormi.

Il-billboard li ssemmiet, tneħħiet għax ix-xogħol huwa lest. Dawn il-billboards huma temporanji u jitpoġġew fuq is-sit waqt li jkun qed isir ix-xogħol. Din tkompli tixhed il-pwerilità fl-argumenti tal-Oppożizzjoni li ma jifilħux jaraw bdiewa u raħħala igawdu minn dan il-proġett.

More in Politika